L-ewwel mewġa ta’ sħana tasal il-ġimgħa d-dieħla

L-ewwel mewġa ta’ sħana mistennija tolqot lill-gżejjer Maltin matul il-ġimgħa d-dieħla bit-temperaturi jilħqu d-29 grad.
Skont is-sit tat-tbassir tat-temp First Malta, l-arja ta’ pressjoni baxxa li bħalissa qegħda viċin ħafna tal-gżejjer Maltin se ġġib temperaturi iktar friski, u ftit xita iżolata fil-jiem li ġejjin. Din mistennija tippersissti sal-Ħadd filgħaxija fejn imbagħad mistennija li tagħmel spazju għall-sistema ta’ arja ta’ pressjoni għolja li se ġġib l-ewwel mewġa ta’ sħana fuq il-gżejjer għal din is-sena.
It-Tnejn li ġej l-ogħla temperatura se tkun 22 grad iżda titla’ għal 26 grad it-Tlieta u l-Erbgħa mistennija terġa’ titla’ sa 29 grad u tinħass 30 grad.
Filgħaxija t-temperatura mistennija tibqa’ kważi l-istess, jiġifieri dik ta’ 13-il grad.
It-temperaturi mistennija jibqgħu għola minn normal sa mill-inqas il-Ħadd 17 ta’ April.
Il-Pressjoni għolja mistennija tasal hekk kif ir-riħ mistenni jdur Lbiċ Forza 3 it-Tnejn, filwaqt li t-Tlieta jdur Punent Forza 2 għal 3, u finalment l-Erbgħa jonfoħ minn Nofsinhar u jġib miegħu sħana mid-deżert tat-Tramuntana tal-Afrika.
First Malta jfakkar li wieħed m’għandux joqgħod fuq dawn ir-rapporti sabiex jieħu deċiżjonijiet relatati ma’ saħħa u sigurtà jew kunsiderazzjonijiet finanzjarji.
Għal aktar informazzjoni żur is-sit firstmalta.com jew il-paġna tagħhom fuq Facebook.