L-ewwel Malti fil-Eurovision jagħlaq sninu

Awguri lil Joe Grech li llum qed jiċċelebra għeluq is-86 sena tiegħu. Hu twieled bħal-lum fl-1934. Joe Grech bla dubju jibqa’ assoċjat mal-kanzunetta Marija l-Maltija u ismu mnaqqax fl-istorja tal-Eurovision Song Contest bħala l-ewwel Malti li rrapreżenta ‘l pajjiżna f’dan il-konkors fl-1971.

Qabel ma sar kantant hu kien idoqq maż-Żejtun Band Club u wara qaleb għall-kant. Fl-1960 kien l-ewwel rebbieħ tal-Malta Song Festival li kien sar fl-1960 bil-kanzunetta Vola Uccellino. Dak iż-żmien il-festival kien organiżżat miż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara.

Fl-1962 Joe reġa’ rebaħ dan il-festival bil-kanzunetta Żgħażagħ Rebbieħa. Beda jieħu sehem f’aktar festivals fosthom fil-festival ta’ Martina Franca li sar fl-Italja.

Wara s-sehem tiegħu fil-Eurovision, Joe Grech għamel bosta wirjiet fl-Ingilterra, fl-Iskożja, fl-Irlanda, fil-Kanada, fl-Amerika, fl-Italja u fl-Awstralja.

Joe ilu miżżewweġ lil Josephine née’ Buttigieg sa mill-24 ta’ Settembru 1961. Għandhom tifla Marcelle, li hija wkoll kantanta.

Interessanti nsemmu li Joe Grech huwa ħu Mons. Victor Grech, wieħed mill-fundaturi tal-Caritas.

Fit-13 ta’ Diċembru tas-sena l-oħra Joe Grech ġie onorat mill-President ta’ Malta bil-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika.

DOI – Clifton Fenech

Awguri Joe!