L-ewwel ktieb tal-Papa: L-Isem ta’ Alla huwa Ħniena

Il-Papa Franġisku ħareġ l-ewwel ktieb tiegħu li jġib l-isem ta' L-Isem ta’ Alla huwa Ħniena.
Il-ktieb huwa konverżazzjoni mal-ġurnalist Andrea Tornieli, li fih jispjega fid-dettall uħud mill-kwistjonijiet ċentrali tal-pontifikat tiegħu, speċjalment l-att tal-ħniena.
L-intervista ma’ Tornieli bdiet f’Lulju wara ż-żjara li għamel il-Papa fl-Ekwador, fil-Bolivja u fil-Paragwaj.
Fil-ktieb tiegħu l-Papa jitkellem dwar il-ħtieġa li nħossuna żgħar fil-bżonn għall-għajnuna.
Huwa qabbel il-ħniena ta’ Alla ma’ dawl kbir mimli bl-imħabba u bis-sensittività għax Alla jaħfer b’ġentilezza.
Aspett umoristiku tal-ktieb hu li l-Papa kiteb it-titlu tal-ktieb b’idejh.
Il-ktieb se jkun qiegħed jinbiegħ f'84 pajjiż differenti.
Din mhix l-ewwel intervista li saret ma' Papa u ġiet ippubblikata fi ktieb.
Fl-2010, inħareġ il-ktieb Dawl id-Dinja mill-Papa Beneditu XVI, li kien ġie ppubblikat wara sensiela ta’ konverżazzjonijiet fit-tul mal-ġurnalist Ġermaniż Peter Seewald.
Fl-1994 San Ġwanni Pawlu II ppubblika l-intervista tiegħu mal-ġurnalist Taljan Vittorio Messori, Crossing the Threshold of Hope.
Il-ktieb tal-Papa Franġisku se jiġi ppreżentat f’Ruma mis-Segretarju tal-Vatikan Pietro Parolin u l-attur u d-direttur Taljan Roberto Benigni.