L-ewwel koppja Maltija fit-triq għall-qdusija

L-Arċisqof Charles Scicluna se jmexxi Quddiesa li matulha se jitwaqqaf t-Tribunal li se jisma’ l-kawżi għall-beatifikazzjoni u għall-kanonizzazzjoni ta’ Henry Casolani u martu Ineż.
Il-quddiesa se ssir għada fis-6:30pm fil-Knisja ta’ San Duminku, ir-Rabat.
Il-Postulatur taż-żewġ kawżi huwa l-Kanonku Etienne Sciberras, li fil-bidu tal-Quddiesa ser jagħmel talba uffiċjali lill-Arċisqof biex iwaqqaf it-Tribunal. Il-Postulatur se jippreżenta lill-Arċisqof il-lista ta’ 180 persuna li jistgħu jidhru quddiem it-Tribunal biex jagħtu x-xhieda tagħhom, u 60 dikjarazzjoni bil-ġurament minn persuni li laħqu mietu.
Iċ-ċerimonja ta’ għada hi importanti fil-ħajja u fl-istorja tal-Knisja f’Malta għaliex dan hu l-ewwel każ f’Malta ta’ koppja miżżewġa li ser jiġi studjat.
Fattur ieħor importanti hu li x-xhieda li tat tul ħajjitha l-koppja Casolani ser jibda jiġi studjat ‘lejliet’ is-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-Familja, li sejjaħ il-Papa Franġisku u li jibda f’Ottubru li ġej.
Fi stqarrija tal-Kurja, is-saċerdoti, il-persuni ta’ ħajja kkonsagrata u l-lajċi kollha qed jiġu mistiedna biex jieħdu sehem f’din il-quddiesa, biex flimkien jitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex jagħti d-dawl lil dawk kollha involuti.
Dan sabiex, jekk inhi r-rieda ta’ Alla, dawn iż-żewġ persuni lajċi miżżewġin isiru beati u qaddisin. Il-ftuħ taż-żewġ kawżi huwa meqjus bħala l-ewwel seduta tat-Tribunal li ser jagħti bidu għall-proċess djoċesan.
Ma’ dawk kollha li kienu jafuh, Henry kellu reputazzjoni ta’ ‘appostlu tal-paċi’. Huwa qatt ma qal kelma kontra ħadd. Ra t-tajjeb f’kull bniedem u mhux id-difetti li kien hemm fih. Ma kienx jiġġudika lill-oħrajn. Kien ifaħħar biss! Kien kapaċi jaħfer, u jpatti bil-ġid id-deni u l-inġustizzji li rċieva. Qabel joħroġ kien jipprepara xi flus fil-but għal xi ġbir ta’ karità.
Ineż kienet iżżur lil morda fl-isptarijiet, mhux biss lil dawk li ħabbewha, iżda anki lil dawk il-persuni li wrew qalb iebsa magħha. Atti ta’ karità għamlithom ma’ kulħadd, hu min hu, anki ma’ dawk li wrew indifferenza u inġustizzja magħha. Fatt nobbli f’Inez hu li, bħal Henry,  l-opri tal-ħniena li hi għamlet, dejjem żammithom mistura. Kienet kapaċi ssofri bil-paċenzja kull nuqqas, kull ċanfir u kull tkasbir li rċeviet mingħand ħaddieħor.
Tista' taqra l-bijografiji ta' Henry u Ineż Casolani hawnhekk: