Filmat: Titħabbar ir-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija

Aġġornat 03:38 PM

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela dalgħodu ħabbar li l-Ministeru għall-Intern irċieva r-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.

Il-media intalbet tkun preżenti f’Kastilja fl-10am. Abela spjega li hu ġie infurmat b’din ir-riżenja mill-Ministru Byron Camilleri. Kompla billi rringrazzja lil Cutajar tax-xogħol li għamel matul is-snin li fihom okkupa din il-kariga.

Abela spjega kif fl-ittra tar-riżenja tiegħu, Cutajar qal li l-bidla ta’ Prim Ministru titlob il-bidliet dan sabiex tkun tista’ tibda titwettaq ir-riforma mixtieqa fil-Korp tal-Pulizija.

Filwaqt li faħħar il-Korp tal-Pulizija, Abela semma diversi investigazzjonijiet li għamlu l-Pulizija, fosthom fil-każ tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. Qal li sar ħafna xogħol tajjeb hekk kif il-Pulizija investigaw u arrestaw fi żmien qasir diversi persuni li setgħu kellhom x’jaqsmu mal-assassinju.

Abela sostna li dan huwa l-bidu għar-riforma fil-Korp tal-Pulizija li huwa organu importanti fil-pajjiż fejn jidħol l-infurzar tal-liġi.

Il-Partit Nazzjonalista sostna li l-Kummissarju tal-Pulizija rreżenja sentejn tard.

Carmelo Magri jinħatar bħala Aġent Kummissarju

Spjega li fid-dawl tar-riżenja ta’ Cutajar inħatar l-aktar uffiċjal anzjan fil-Korp, Carmelo Magri, inħatar bħala Aġent Kummissarju tal-Pulizija li se jkun qed ikompli x-xogħol tal-Kummissarju tal-Pulizija sakemm tinstab persuna oħra minfloku. Magri huwa Assistent Kummissarju responsabbli mix-xogħol amministrattiv u u tad-Distretti.

Intant, Abela semma li fil-laqgħa tal-Kabinett li jmiss, li mistennija ssir nhar it-Tlieta li ġej, hu se jkun qed iressaq proposta dwar il-metodu ġdid tal-għażla tal-Kummissarju tal-Pulizija. Qal li dan il-metodu se jkun qieħed serju u trasparenti ta’ kif għandu jinħatar Kummissarju tal-Pulizija. Qal li r-riforma tfisser biss li għaddej proċess naturali li jrid isir kull ftit żmien “għax jekk ma tbiddilx tissogra li tistaġna”.

Hu ġie mistoqsi jekk tkellimx ma’ Chris Cardona wara li lbieraħ ġie żvelat il-kontenut tal-ittra li allegatament kellha tgħin lin-negozjant Yorgen Fenech iwaħħal f’Cardona, biex Cardona, dakinhar Ministru, jinstab ħati li ordna l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Intant, dwar ir-rigali li rċieva l-eks Prim Ministru Joseph Muscat mingħand Yorgen Fenech, partikolarment l-inbid u l-arloġġ, Abela qal li hu għadu ma vverifikax jekk dawn ir-rigali ġewx miżmuma mill-Istat skont dak li kien qal Muscat. Spjega li hemm proċess għaddej dwar is-suġġett u se jħalli l-istituzzjonijiet jagħmlu xogħolhom.

Dwar l-irwol il-ġdid li ngħata Mario Cutajar, Abela spjega li ma hemm l-ebda bidla li tirrigwardja lil Cutajar ħlief waħda, li se jkun qiegħed iservi wkoll bħala Segretarju tal-Kummissjoni tal-Kumitati li ħatar fil-Kabinett. Din il-Kummissjoni se tkun involuta u responsabbli mill-Governanza Tajba. Qal li l-pożizzjoni Cutajar bħala Kap taċ-Ċivil u Segretarju tal-Kabinett baqgħet dik illi kienet jiġifieri għadu fil-kariga.

Aktar tard hu spjega li dan il-Kumitat mhux se jkun responsabbli milli japponta l-ġudikatura. Qal li l-irwol ta’ dan il-kumitat se jkun biss li jressaq proposti dwar x’għandu jsir għal aktar governanza tajba. Qal li dan huwa Kumitat tal-Kabinett inniffsu magħmul minn tliet Ministri, Segretarju Parlamentari u s-Segretarju tal-Kabinett. Sostna li mhux se jiddevja l-ħatra tal-ġudikatura minn kif inhu lejh.

Dwar il-ħatra tal-ġudikatura qal li jekk isiru xi tibdiliet dwar kif għandu jsir dan, mela se jkun hemm ukoll tibdiliet fil-Kostituzzjoni. Fiż-żmien li ġej hu se jkun qed iressaq metodu anke ta’ kif għandha ssir il-ħatra tal-ġudikatura. Qal ukoll li se jkun qed jisma’ l-opinjonijiet tal-Oppożizzjoni dwar dan il-metodu.

Mistoqsi dwar x’kien li wasslu biex jordna li l-mafkar ta’ Daphne Caruana Galizia ma jibqax jitnaddaf, Abela qal li din kienet deċiżjoni li ħa għax ħass li hekk kien hemm bżonn. Hu kompla billi insista u għamilha ċara li l-monument ta’ quddiem il-Qorti huwa tal-Assedju l-Kbir u huwa tal-poplu Malti kollu.

Abela kompla billi għamel distinzjoni bejn il-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija u dik tal-Avukat Ġenerali huma distinti minn xulxin u riżenja minn waħda ma jfissirx li se jkun hemm riżenja tal-Avukat Ġenerali. Hu kompla billi insista li ma jara l-ebda raġuni għaliex l-Avukat Ġenerali għandu jitneħħa mill-kariga tiegħu.

Ilbieraħ Abela stqarr li ta struzzjonijiet biex ma jitnaddafx il-mafkar tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Huwa kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti waqt żjara li għamel f’Dar il-Kleru f’Birkirkara lbieraħ, fejn intlaqa’ wkoll mill-Arċisqof Charles Scicluna u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi.

Mistoqsi dwar l-ittra li bagħtitlu l-għaqda mhux governattiva Repubblika fejn offriet l-għajnuna tagħha, Robert Abela tenna dak li hu qed jitkellem l-istess lingwa tar-Repubblika dwar il-governanza tajba.

“Ilna sentejn u tliet xhur nistennew ir-riżenja ta’ Cutajar” – Repubblika

L-għaqda tas-soċjetà ċivili, Repubblika sostniet li ilha sentejn u tliet xhur tistenna r-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija. Hija sostniet li f’dan iż-żmien kollu, Abela qatt ma lissen kelma li turi li kien jaqbel magħhom u qalet li kien biss issa li qabel magħha li Lawrence Cutajar ma kellux jibqa’ Kummissarju.

Repubblika għarfet ix-xogħol li jwettqu ħafna mill-Pulizija u sostniet li dawn ħaqqhom ir-rispett u l-appoġġ tal-poplu kollu. Qalet iżda li l-indħil politiku li kien hemm fl-aħħar snin wassal sabiex “il-korruzzjoni tirrenja, il-maħmuġin jiżgiċċaw mill-ġustizzja u l-pulizija tajba jkunu demotivati.”

Repubblika insistiet li l-proċess tal-ħatra ta’ Kummissarju ġdid għandu jkun gwidat biss mill-ħtieġa li l-aktar persuna kompetenti u onesta tkun identifikata sabiex tmexxi korp tal-Pulizja modern u dixxiplinat iffukat biex biex iħares iċ-ċittadini.

Hi qalet li bħal ma rriżenja l-Kummissarju tal-Pulizija, l-istess għandu jagħmel l-Avukat Ġenerali Peter Grech. It-tnejn li huma huma l-wiċċ ta’ sistema ta’ ġustizzja li falliet.

Kienu ddieħku meta tlabna għar-riżenji – iben Daphne

Paul Caruana Galizia, iben il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, qal fi Tweet kif wara li kien hemm min iddieħek bihom meta għajtu għar-riżenja tal- eks-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u l-Avukat Ġenerali Peter Grech, issa qed iseħħ dan kollu.