L-ewwel knisja ġdida f’Cuba minn wara r-rivoluzzjoni

Insara jisimgħu l-ewwel quddiesa fil-knisja l-ġdida f'Cuba

Nhar is-Sibt li għadda kienet konsagrata l-ewwel knisja ġdida li nbniet f’Cuba wara r-rivoluzzjoni. Il-Knisja tal-parroċċa tal-Qalb ta’ Ġesù li tinsab fir-raħal ta’ Sandino hi l-ewwel waħda li nfetħet fl-aħħar 60 sena f’din il-gżira, skont il-Catholic Herald

Din hi waħda minn tliet knejjes ġodda li qed jinbnew.  It-tnejn l-oħra qed jinbnew fil-kapitali Havana u f’Santiago fuq art mogħitja lill-Knisja mill-Istat.

Fr. Cirillo Castro li kien responsabbli mill-bini tal-knisja qal lis-CNN “li tara din il-binja lesta qisek ħriġt mid-dlam għad-dawl.  Konna konvinti li xi darba għad titlesta”.

Il-bini ta’ din il-knisja juri kemm il-libertà reliġjuża f’Cuba llum saret realtà. Wara r-rivoluzzjoni tal-1959 Cuba kienet iggvernata minn gvern komunista fejn il-knejjes u l-iskejjel ingħalqu u s-saċerdoti jew kienu eżiljati jew inkella ntbagħtu f’kampijiet apposta “biex jieħdu edukazzjoni ġdida”.

Il-Knisja Kattolika f’Cuba allura kellha titmexxa b’mod klandenstin sal-1991 meta t-tensjoni reliġjuża fil-pajjiż bdiet tmajna xi ftit. Fl-1998 il-Papa San Ġwanni Pawlu II kien żar dan il-pajjiż u minn hawn ‘l quddiem il-Knisja Kattolika bdiet tieħu r-ruħ bil-mod il-mod. Fl-2015, bil-ħidma u l-insistenza ta’ Papa Franġisku kienu stabiliti relazzjonijiet diplomatiċi bejn Cuba u l-Vatikan.

Il-bini tal-knisja tal-Parroċċa tal-Qalb ta’ Ġesù kien possibbli permezz ta’ donazzjoni ta’ $95,000 li ngħatat mill-parroċċa ta’ San Lawrenz li tinsab f’Tampa fi Florida, l-Istati Uniti.  Il-Knisja l-ġdida tista’ tilqa’ fiha 200 persuna.

Mons. Jorge Enrique Serpa Perez, Isqof ta’ Pinar del Rio qal li “kultant trid tegħleb diversi ostakoli biex tasal tara l-affarijiet lesti”. Dan il-kumment kien kumplimentat minn ieħor li għamlet mara mir-raħal ta’ Sadino, fejn tinsab il-knisja l-ġdida. Din qalet li “sa mill-ġurnata li tpoġġiet l-ewwel ġebla rajna l-knisja tinbena ġebla, ġebla. Din il-knisja hi frott tal-paċenzja,” qalet lis-CNN.