L-ewwel każ tal-Coronavirus rappurtat f’Londra

A customer pushes a cart while shopping inside a supermarket of Alibaba's Hema Fresh chain, following an outbreak of the novel coronavirus in Wuhan, Hubei province, China February 11, 2020. REUTERS/Stringer

Read in English.

Uffiċjali tas-saħħa Ingliżi kkonfermaw li feġġ l-ewwel każ tal-Coronavirus jew kif inhu uffiċjalment magħruf bħala COVID-19 f’Londra. 

Din hi mara li daħlet fir-Renju Unit ftit ġranet ilu miċ-Ċina. Bil-każ tagħha, issa t-total ta’ każi fir-Renju Unit telgħu għal disgħa. Imma hemm tħassib li f’Londra partikolarment l-aworitajiet jistgħu jkollhom uġigħ ta’ ras kbira minħabba s-sistema ta’ transport pubbliku vasta u kumplessa biex ilaħħqu mal-virus jekk jibdew ifeġġu każijiet f’Londra.

Dan kollu qed iseħħ fl-isfond ta’ żieda drastika fil-każijiet konfermati fiċ-Ċina hekk kif l-awtoritajiet biddlu l-mod kif qed jgħoddu dawk li qed iġorru l-virus wara kritika li saret minn esperti internazzjonali.

Fil-provinċja Ċiniża ta’ Hubei, il-qalba tal-epidemija fiċ-Ċina, l-Erbgħa kien hemm 242 mewt minħabba l-virus – l-aktar ġurnata fatali s’issa – filwaqt li hemm 14,840 każ konfermat. 

B’dawn l-aħħar ċifri huma 1,350 l-imwiet totali minħabba l-virus filwaqt li kważi 60,000 persuna huma infettati.

Żewġ persuni Maltin jinsabu fuq cruiseliner li ma tħalliex jitrakka f’diversi pajjiżi minħabba li l-persuni abbord setgħu kienu infettati bil-Coronavirus. Dan minkejja li ħadd mill-persuni abbord kienu infettati.

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qal li jinsab infurmat li bħalissa hemm żewġ Maltin abbord l-MV Westerdam, li wara li għamel 11-il jum fid-dlam dwar liema pajjiż kien se joffrilu port, għada se jkun qed jitrakka fil-Kambodja. Il-cruiseliner telaq minn Hong Kong fl-1 ta’ Frar.

Sadattant l-Organizazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li għadu kmieni wisq biex wieħed jgħid x’se jiġri b’dan il-virus filwaqt li qed tkun finanzjata ir-riċerka fuq erba’ vaċċini possibli għal kontra din il-marda imma għadd fadal ix-xhur qabel ma jkunu lesti biex jibdew jintużaw.