Tħabbar l-ewwel każ tal-coronavirus fil-Polonja, filwaqt li l-għadd ta’ persuni mejtin fl-Italja tela’ għal 79.
Fil-Polonja saru 560 test għall-coronavirus, u wieħed irriżulta fil-pożittiv s’issa. Il-pazjent qed jingħata l-kura l-isptar u jidher li hu f’kundizzjoni tajba.
L-awtoritajiet tas-saħħa Taljani qalu lbieraħ li jaf ikollhom joħolqu żona ġdida għall-kwarantina, peress li l-għadd ta’ nies infettati għola drastikament, b’27 persuna jmutu f’temp ta’ 24 siegħa.
Il-virus għadu komuni l-iżjed fl-Italja ta’ Fuq, u affettwa l-aktar ir-reġjun Lombardija. Madankollu, infirex għal 19 mill-20 reġjun Taljan. It-total tal-każijiet issa huwa 2,502.
Il-ġurnal Ingliż Guardian dalgħodu rrapporta li madwar id-dinja, il-virus ħa 3,190 ħajja s’issa, filwaqt li iżjed minn 93,000 persuna ġew infettati. 80,270 każ minn dawn huma fiċ-Ċina. It-tieni l-agħar pajjiż wara ċ-Ċina huwa l-Korea t’Isfel, b’5,328 każ.
Fir-Renju Unit hemm 51 każ. Fi Franza mietet it-tieni persuna bil-virus, raġel ta’ 92 sena. Hemm total ta’ 212-il każ.
Fl-Indja hemm 15-il Taljan li għandhom il-coronavirus. Żdiedu wkoll il-persuni infettati fl-Awstralja, fil-Ġappun u fi New Zealand. Fl-Awstralja, in-nies qed jixtru mis-supermarkets, tant li bosta supermarkets spiċċaw mingħajr toilet paper.
Il-fundatur ta’ Facebook, Mark Zuckerberg, ħareġ avviż li fih qal li meta wieħed ifittex “coronavirus” fuq Facebook, se jsib ħolqa diretta għas-sit elettroniku tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, peress li Facebook irid jaħdem kontra t-tixrid ta’ informazzjoni żbaljata.