L-ewwel Kardinal minn Papua New Guinea jgħid li l-bidla fil-klima tfisser diżastru għall-poplu

Il-Kardinal John Ribat, Arċisqof ta’ Port Moresby f’Papua New Guinea, qal meta kien qed jindirizza konferenza fl-Università Kattolika tal-Amerika li ħafna mill-gżejjer jinsabu fil-periklu u n-nies ta’ dan il-pajjiż fl-Oċean Paċifiku jiffaċċjaw theddid serju meta l-livell tal-baħar jogħla minħabba t-tibdil fil-klima.
Il-Kardinal tkellem dwar dak li għaddew minnu n-nies ta’ pajjiżu li kellhom bilfors jitilqu minn djarhom mal-kosta għax il-baħar għarraq djarhom.
L-istess ġara f’mijiet ta’ gżejjer żgħar fil-Paċifiku. Hu mar fl-Istati Uniti biex jiltaqa’ ma’ uffiċjali f’Capitol Hill minn fejn taħdem l-amministrazzjoni, biex jitlob għal azzjoni biex ikun protett l-ambjent u indirizzata l-problema tat-tibdil fil-klima.
Fl-aħħar snin il-livelli tal-oċean għolew u nvadew gżejjer żgħar kif ukoll meded kbar ta’ art. Ix-xjenzjati jgħidu li l-livelli tal-baħar jogħlew għax is-silġ fil-parti ta’ fuq tad-dinja qed idub minħabba l-emissjoni ta’ gassijiet minn ħruq ta’ żjut u dan qed jinġabar fl-atmosfera tad-dinja u jwassal biex id-dinja tisħon.
Il-Kardinal Ribat qal li jħoss ir-responsabbiltà li jitkellem dwar dan għax jekk ma jsir xejn biex dawn il-gżejjer ikunu megħjuna, il-popli li jgħixu fihom se jiffaċċjaw diżastru. Il-Knisja Kattolika hi fid-dmir li takkumpanja lil dawk kollha li jinsabu f’diffikultà.
Minn kemm ilu li nħatar Kardinal fl-2016, Mons Rabit iddedika ħafna mill-ħidma tiegħu fuq il-problema tat-tniġġis fil-klima. Qal li l-problema tal-ambjent hi l-aktar kwestjoni importanti għall-Knisja Kattolika f’Papua New Guinea għax qed thedded il-ħajja tat-tmien miljun persuna li jgħixu fil-pajjiż.
“Aħna qed nakkumpanjaw lill-poplu f’din il-problema li nqisuha bħala kwestjoni familjari. Għalina dawn il-familji qed ibatu. Huma l-aktar li se jkollhom jitħabtu ma’ din il-problema”, qal il-Kardinal. Ħafna mill-gżejjer huma fil-periklu u hemm bżonn ta’ azzjoni immedjata biex ngħinu lil dawn in-nies li qed ikunu sfurzati jitilqu minn djarhom.
Anke l-ilma tax-xorb jinsab f’riskju għax ħafna bjar spiċċaw bl-ilma baħar fihom u allura żdiedet is-salinità fl-ilma tant li anqas għadu tajjeb għat-tisqija aħseb u ara għax-xorb.
Il-Kardinal Ribat esprima wkoll it-tħassib tiegħu għall-fatt li l-President Amerikan Donald Trump iddeċieda li jirtira mill-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima.
“Il-konsegwenza ta’ din id-deċiżjoni se jsofruha n-nies tagħna.”
Il-maġġoranza tal-poplu ta’ Papua New Guinea hi Nisranija. Madwar 27% huma Kattoliċi u 70% oħra minnha huma Protestanti.