Aġġornata: L-ewwel ix-xogħol; imbagħad il-permess – PN

Arkivji

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern beda u kważi lesta xogħol fi Triq tal-Balal mingħajr ma applika għall-permessi meħtieġa.

Fi stqarrija, il-PN qal li l-Gvern jemmen li hu ‘l fuq mil-liġi. Iddeskriva dan bħala “ħażin u perikoluż għal diversi raġunijiet”. Skont il-PN, filwaqt li n-nies jimxu skont il-liġi, il-Gvern jagħti eżempju ħażin u jaqbeż l-applikar tal-permessi.

ll-PN qal li l-Gvern ġab fix-xejn lill-Awtorità tal-Ippjanar u lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi li suppost jagħmlu l-istudju neċessarju fuq kull applikazzjoni ta’ żvilupp qabel ma jibda x-xogħol.

Ix-xogħol għat-twessigħ ta’ Triq il-Balal, li tgħaqqad in-Naxxar, il-Għargħur, l-Iklin u San Ġwann beda fil-bidu ta’ Awwissu. Il-proġett jinkludi wkoll l-iżvilupp ta’ sistemi ġodda tat-tqassim tas-servizzi ta’ l-ilma, elettriku u telekomunikazzjoni u sistemi tad-drenaġġ, taħt il-livell tat-triq, il-bini mill-ġdid tas-central stripb’sistemi ta’ crash barriers u dwal ġodda, kif ukoll 1.7 kilometri ta’ bankini ġodda.

Il-poplu se jgawdi mill-proġett – PL

F’risposta għall-istqarrija tal-PN, il-Partit Laburista qal li bil-proġett tal-Balal li ħareġ jattakka Delia se jgawdi l-poplu Malti u Għawdxi kollu. Il-PL ma ċċarax jekk inħariġx il-permess kif suppost għall-proġett.

Il-PL qal li l-Kap tal-PN ħareġ stqarrija biex jgħid li ħadd m’għandu jkun ‘il fuq mil-liġi. Skont il-PL, “ħadd mhu se jemmen li Delia tassew jaħseb hekk.” Żied jgħid li Delia għamel żmien twil ma jħallasx it-taxxa kif hu mistenni minn kull ċittadin.