Fuq 103: Illum se jerġgħu jogħlew in-numri – Dr Martin Balzan

Read in English.

Il-każijiet tal-coronavirus illum se jerġgħu jogħlew, skont ma qal Dr Martin Balzan, il-President tal-Assoċjazzjoni Medika f’Malta (MAM).

Dan qalu waqt diskussjoni fuq il-programm Newsbook Hour fuq 103 Malta’s Heart dalgħodu, immexxija minn Fr Joe Borg, li fiha pparteċipat ukoll Abigail Mamo, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra Maltija għan-Negozji Żgħar u Medji (SMEs).

L-għaqdiet mediċi, fosthom il-MAM, ikkritikaw lill-Gvern din il-ġimgħa talli ddeċieda li jibda jillaxka l-miżuri mill-bieraħ, billi reġgħu fetħu l-bibien tagħhom ir-ristoranti, il-ħwienet tas-sbuħija, tax-xagħar, u l-għadd ta’ persuni permessi f’ġemgħat fil-pubbliku tela’ għal sitta. Il-Gvern qed iqis dan il-pass pass ieħor lejn in-normalità l-ġdida, u pass li mistenni jgħin lill-ekonomija terġa’ tqum fuq saqajha.

Illum diġà tħabbar każ wieħed tal-coronavirus, li huwa dak ta’ ħaddiem tas-saħħa li bħalissa qed jaħdem fiċ-Ċentru tal-Iswabs fejn isiru t-testijiet tal-coronavirus.

Dr Balzan stqarr li ħadd ma kien qed jistenna li n-numri jerġgħu jogħlew, imma din hi realtà li jeħtieġ li tiġi indirizzata. Il-President tal-MAM qal li kull min jgħid jew jagħti l-impressjoni li l-pandemija waslet fi tmiemha f’Malta jkun irresponsabbli. Sostna li l-virus għadu preżenti fil-komunità, u jagħmel ħażin min jiċċelebra għax mingħalih li l-agħar għadda.

Huwa tal-fehma li l-awtoritajiet għandhom jenfasizzaw aktar l-importanza li wieħed ikun dixxiplinat bħalissa meta jagħmel kuntatt man-nies, b’mod speċjali fil-ħwienet. Tenna li l-awtoritajiet misshom jirrevedu l-miżura li issa tgħid li l-gruppi jistgħu jkunu ta’ sitt persuni, peress li skontu, dan l-għadd ta’ persuni f’daqqa huwa perikoluż.

Irridu naffaċċjaw aktar diffikultajiet ekonomiċi – Mamo

Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv għall-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji (SMEs) Abigail Mamo qalet li l-ekonomija hija kumplessa u minħabba l-pandemija se jitfaċċaw aktar diffikultajiet ekonomiċi. Mamo spjegat li rridu nikkunsidraw li għalkemm ċerti negozji jistgħu jiftħu, in-nies iridu jħossuhom komdi jonfqu l-flus peress li ħafna persuni naqsilhom id-dħul f’dawn iż-żminijiet.

Il-fatt li Malta hija gżira ma jgħinx, qalet Mamo, peress li dan se jwassal għal effett ekonomiku dewwiemi. Żiedet tgħid li l-impatt ekonomiku ma jinħassx biss mir-ristoranti u mil-lukandi fis-settur turistiku.

Il-programm xxandar ukoll fuq 103.mt fuq l-internet u fuq it-trażmissjonijiet ta’ 103 fuq Dab+.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn