L-ewwel indikazzjonijiet tal-awtopsja fuq il-katavru ta’ Zack Meli

Ħarġu l-ewwel indikazzjonijiet mill-awtopsja li saret fuq il-katavru ta’ Zack Meli, iż-żagħżugħ ta’ 24 sena mis-Swieqi, li miet ilbieraħ filgħodu wara argument f’Paceville.
Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li mill-awtopsja rriżulta li ma nstabux sinjali ta’ vjolenza. Dan ifisser li l-katavru ta’ Meli, għalissa mhux se jiġi rilaxxat għad-difna.
Dwar dan, fi stqarrija, il-Pulizija qalet li sa issa rriżulta li l-awtopsja hi inkonklussiva u li se jsiru iktar testijiet biex tiġi stabbilita r-raġuni tal-mewt. 
Il-Pulizija qalet ukoll li l-persuna li kienet qed tinżamm b'rabta ma' dan il-mewt, jiġifieri ż-żagħżugħ Bulgaru, issa ngħata l-ħelsien mill-arrest sakemm ikomplu l-investigazzjonijiet. 
Rapporti fil-midja kienu qed jgħidu li ż-żagħżugħ Bulgaru, kien se jitressaq il-Qorti b’arrest b’rabta mal-mewt ta’ Meli.
L-inċident inqala’ fit-taraġ ta’ Paceville fi Triq Santu Wistin, kantuniera ma’ Sqaq Santa Rita.
Sadanittant, ilbieraħ il-kuġina ta’ Zach Meli kitbet fuq Facebook, u talbet lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jindirizza llum qabel għada l-vjolenza mwettqa mill-barranin f’Malta.
Ritratt: Ian Noel Pace