Filmati: “Ejja naħdmu biex nagħmlu l-PN partit rebbieħ”

Bernard Grech
Miguela Xuereb

Read in English.

Rappurtaġġ addizzjonali: Charmaine Attard

Dr Bernard Grech stqarr li jinsab konvint li l-Partit Nazzjonalista se jissaħħaħ u li minn għada se jibda jaħdem biex il-PN mhux biss ikun Oppożizzjoni f’saħħitha imma anke “ntellgħuh fejn jixraqlu, jsir partit rebbieħ”.

Dr Grech kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, fosthom ta’ Newsbook.com.mt, f’konferenza tal-aħbarijiet li saret wara l-ewwel diskors uffiċjali tiegħu bħala l-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista.

Konferenza tal-Ahbarijiet mill-Kap tal-PN Bernard Grech

Konferenza tal-Ahbarijiet mill-Kap tal-PN Bernard Grech

Posted by Partit Nazzjonalista on Saturday, October 3, 2020

Ftit qabel il-11pm tħabbar ir-riżultat uffiċjali, b’Bernard Grech jikseb 69.3% tal-voti tat-tesserati, jiġifieri 12,633 vot filwaqt li Adrian Delia kiseb 30.7% jew 5,622. Kien hemm 77 vot invalidu.

X’wieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti?

  • Rebħa ta’ 69.3%: “Aktar ma tkun kbira ċ-ċifra aktar tkun kbira r-responsabbiltà”
  • Dwar id-Deputati Parlamentari li kienu qed jappoġġjaw lil Adrian Delia: Iltaqa’ magħhom u wrewh li se jagħtuh il-lealtà tagħhom. Fisser li wħud minnhom bagħtulu messaġġi jwegħduh il-lealtà tagħhom. Se jagħmel ħiltu kollha ma’ kulħadd. “Se naħdem mad-deputati kollha li jirrappreżentaw 135,000 votant”.
  • Xi rwol se jkollu Adrian Delia? “Se jkollu rwol bħala parti mix-shadow cabinet, imma jien irridu jkun parti mill-ħidma biex il-partit jingħaqad u jimxi ‘l quddiem”
  • Min se jċedilu postu biex jidħol fil-Parlament? “Diġà kien hemm min offrieli”
  • L-ewwel deċiżjonijiet: “Nagħżel persuni ta’ fiduċja; għada se nagħmel diskors iktar dettaljat u se nħabbar aktar miżuri, ideat u xewqat”
  • “Mhux se nieħu pariri mill-Partit Laburista. Il-PL ma xtaqnix hawn”
  • X’se jsir mill-Viċi Kapijiet tal-PN? “Lil Robert Arrigo u lil David Agius infakkarhom li l-kariga tagħhom hi salvagwardjatha bl-istatut, u nistedinhom biex ikomplu jaħdmu għall-ġdid tal-partit u tal-pajjiż”
  • Elezzjoni? “Ikun tal-mistħija jekk il-PL isejjaħ elezzjoni bikrija. Lil Robert Abela nistiednu jagħmel deċiżjoni għall-aħjar tal-ekonomija u tas-saħħa tan-nies”

“Illum ma rbaħtx jien, ma tilifx Delia, illum rebaħ il-PN”

“Illum ma rbaħtx jien, ma tilifx Adrian Delia. Illum rebaħ il-Partit Nazzjonalista” – Dan kien l-ewwel kliem ta’ Dr Bernard Grech bħala l-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista f’għeluq il-Konvenzjoni Ġenerali tal-PN.

Lit-18,000 tesserat irringrazzjahom talli ħarġu jesprimu l-opinjoni demokrtika tagħhom. “Dan hu l-partit tagħkom, tan-Nazzjonalisti, ta’ dawk kollha li jridu li dan il-pajjiż jerġa’ jsir pajjiż normali”, kompla jgħid. Għadda ħsiebu lejn tesserata li vvutat il-ġimgħa li għaddiet, u din il-ġimgħa mietet. Irrefera għall-anzjani li qed imutu bil-pandemija.

Bernard Grech irringrazzja lil Adrian Delia talli sab il-kuraġġ li joffri l-lealtà sħiħa lejh bħala Kap u offrielu biex minn għada jiltaqgħu u jitkellmu biex jiftehmu kif se jsaħħu lill-partit.

Saħaq li x-xewqa tiegħu hi li ma jintilef ħadd u “biex ilkoll flimkien insibu aktar nies li jersqu lejn il-PN”.

Temm jgħid li “flimkien nistgħu naslu” iżda sostna li dan tal-lum mhux il-punt tal-wasla imma l-punt tat-tluq.

Irringrazzja lill-ħaddiema u lil-Kummissjoni Elettorali tal-ħidma tagħhom tul l-aħħar ġimgħat. B’ton miksur, Dr Grech għalaq billi rringrazzja lil martu u wliedhom. Irringrazzja lill-awtoritajiet tas-saħħa tal-ħidma li qed iwettqu b’mod partikolari l-għajnuna li taw lil martu biex tirkupra waħedha f’darha.

Il-wasla ta’ Bernard Grech, il-Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista fid-Dar Ċentrali:

Bernard Grech jasal fid-Dar Ċentrali f'Tal-Pietàhttp://bit.ly/ElezzjoniPN

Posted by Newsbook.com.mt on Saturday, October 3, 2020

Filmat: Miguela Xuereb

Quddiem id-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà, stennija għal Dr Grech:

Partitarji Nazzjonalisti jinġabru quddiem id-Dar Ċentrali f'Tal-Pietàhttp://bit.ly/ElezzjoniPN

Posted by Newsbook.com.mt on Saturday, October 3, 2020

Filmat: Miguela Xuereb

Meta kien għadu għaddej il-proċess tal-għadd tal-voti, sorsi qalu lil Newsbook.com.mt li l-indikazzjonijiet kienu qed juru li 65% ivvutaw għal Bernard Grech. Dan jikkonferma x-xejra ta’ riżultati ta’ votazzjonijiet oħra, l-ewwel bil-vot ta’ sfiduċja f’Adrian Delia fil-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, imbagħad fil-Kumitat Eżekuttiv u wara mill-Kunsill Ġenerali li għażel li ssir elezzjoni flok konferma tal-Kap.

Fuq Facebook Bernard Grech ippubblika messaġġ ta’ ringrazzjament filwaqt li Adrian Delia kkonċeda t-telfa.

B’kollox ivvutaw 85% tal-votanti eleġibbli. L-elezzjoni ġiet fi tmiemha fl-4pm wara ħamest ijiem ta’ votazzjoni li bdiet il-ġimgħa li għaddiet, bl-għadd tal-voti sar fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista f’Tal-Pietà.

Tul it-tmien ġimgħat li għaddew, iż-żewġ kandidati wasslu diversi messaġġi lill-membri tal-Partit Nazzjonalista, magħrufa bħala t-tesserati. Grech iffoka l-ħidma tiegħu favur l-għaqda bil-pubblikazzjoni ta’ pjan ta’ ħidma li mistenni jwettaq bit-tmexxija tiegħu tal-PN.

Grech iffinanzja l-kampanja tiegħu permezz ta’ Crowdfunding fejn fi tlett ijiem ġabar €50,000 mingħand aktar minn 1,300 persuna. Huwa wiegħed li jagħmel u jippubblika l-awditjar tad-dħul u l-infiq tal-kampanja kif ukoll li jgħaddi l-flus li jibqa’ mill-kampanja bħala donazzjoni lill-PN.

Fil-bidu ta’ Settembru, il-kampanja tiegħu ġiet imtappna bil-kontroversja tat-taxxa wara li ġie żvelat li Grech naqas milli jiddikjara xi dħul li kellu. Huwa xejjen dawn l-argumenti meta ppubblika ċ-ċertifikat tad-Dipartiment tat-Taxxa li juri li ma kellu l-ebda kont pendenti magħhom wara li kien ħallas kollox qabel din il-kampanja elettorali.

Din l-elezzjoni ġiet organizzata fuq deċiżjoni tal-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista hekk kif fl-ewwel ta’ Awwissu li għadda huma vvutaw li jmorru għal elezzjoni fost it-tesserati flok jikkonfermaw lil Adrian Delia bħala l-Kap tal-PN. Dan wara sensiela ta’ voti ta’ sfiduċja f’Adrian Delia, l-ewwel mill-Grupp Parlamentari mbagħad mill-Kumitat Eżekuttiv.