L-ewwel ġurnata ta’ skola għall-Prinċipessa Charlotte

Dalgħodu l-Ħamis il-Prinċipessa Charlotte ta’ erba’ snin, bint il-Prinċep William u Kate, id-Dukessa ta’ Cambridge, attendiet għall-ewwel darba l-iskola Thomas’s Battersea, l-istess skola fejn jattendi ħuha l-Prinċep George, ta’ sitt snin. Hija ttieħdet fil-post mill-ġenituri tagħha li kellhom magħhom ukoll lit-tifel. Din kienet okkażjoni sabiħa għal Kate għaliex fl-2017, meta attenda l-iskola għall-ewwel darba l-Prinċep George, dakinhar ma setgħetx tkun miegħu għax kienet marida ħafna.

L-iskola privata fejn imorru t-tfal Irjali trid tħallas għaliha €20,700 fis-sena u ġiet deskritta bħala ‘skola kbira, il-ħin kollu bl-attivitajiet, xi ftit kaotika, maħsuba għal dawk il-ġenituri li jkunu jridu l-aħjar edukazzjoni Ingliża li l-flus kapaċi jixtru”.

L-iskola hi tassew unika għax tgħallem suġġetti speċjalizzati għal tfal ta’ bejn l-4 u t-13-il sena, fosthom il-yoga għal filgħodu. Hija skola kattolika imma hi miftuħa għat-tfal kollha ta’ kwalunkwe reliġjon. L-uniformi għat-tfal hi kkalkulata li tiswa mal-€415 fis-sena.

Skond is-sit fuq l-internet tal-iskola il-mexxejja tagħha jsostnu li huma kburin bis-suċċessi tagħhom ta’ tfal li rnexxew. Huma jagħmlu enfasi kbira fuq il-valuri bażiċi bħal li jkollok qalbek tajba, tgħin lil min hu fil-bżonn, tkun edukat, kunfidenti u li ma tippretendix li għandek tieħu xi ħaġa imma anzi għandek  tagħti minn dak li jkollok. Hemm min ħa din l-iskola fuq demm id-dars għaliex intqal li tiskoraġġixxi lit-tfal li jkollhom xi ħabib speċjali għax iridu li kull tifel u tifla jkunu trattati l-istess.

Issa hu mistenni li l-Prinċep George jgħin lil oħtu biex tidra fil-post. Il-prinċep hu tassew popolari ma’ sħabu tal-klassi fejn għandu l-laqam ta’ P.G.