L-ewwel grupp ta’ immigranti li waslu Malta abbord l-Aquarius jinsabu fi triqthom għal Franza.
Dan tħabbar dalgħodu fi tweet tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Hu sostna li dan il-pass juri l-progress li qed tagħmel l-alleanza Ewropea.
First group of #migrants from #Aquarius leaving #Malta for #France. A #progressive #European alliance that works -JM pic.twitter.com/ZEM8mSiVXE
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) August 30, 2018
Fi stqarrija mibgħuta mill-Gvern intqal kif id-Deputat Ambaxxatur għal Franza, Vanessa Salas Pouget qalet li dan il-pass għar-rilokazzjoni tal-immigranti jservi bħala eżempju tas-solidarjetà Ewropea. Irrimarkat li dawn l-immigranti se jkollhom ħajja sigura fi Franza.
L-Aquarius daħal Malta fil-15 ta’ Awwissu waranofsinhar. Fuqu kien hemm 141 persuna, 97 minnhom irġiel u 44 nisa. 38 minnhom huma tifel u tifla taħt il-15-il sena, uħud bla ġenituri.
12 minnhom, fosthom 2 nisa tqal u 5 itfal, ittieħdu l-isptar biex jingħataw assistenza medika, filwaqt li l-bqija ttieħdu ċ-Ċentru tal-Marsa.
L-immigranti huma mill-Bangladesh, mill-Cameroon, mill-Ghana, mill-Kosta tal-Avorju, min-Niġerja, mis-Senegal, minn Togo, mill-Eġittu, mill-Eritrea, mill-Marokk u mis-Somalja.