L-ewwel ‘Gozo Arts Weekend’ jiffoka fuq Giuseppe Calì

L-aħħar ġimgħa ta’ Jannar se jkun qed jiġi organizzat l-ewwel Gozo Arts Weekend f’Għajnsielem. Din l-ewwel edizzjoni qed issir bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex, l-Għaqda Ħbieb u Presepji, is-sezzjoni ta’ Għajnsielem u l-Parroċċa ta’ Għajnsielem.

L-ewwel weekend se jkun qed jiffoka fuq ix-xogħol tal-artist Giuseppe Calì. Permezz ta’ din l-edizzjoni l-pubbliku se jkun jista’ jara u japprezza l-opri artistiċi f’Għawdex. Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li għal din l-attività hemm imħejji programm ta’ attivitajiet. Żiedet li wieħed għandu r-responasabilità mhux biss li jippreserva dan il-wirt artistiku iżda li t-tfal jitilgħu japprezzawh ukoll.

“Għalhekk ħdimna fuq dan il-kunċett ġdid biex nidentifikaw artisti partikolari u noħolqu programm ta’ attivitajiet marbut max-xogħlijiet li nsibu f’Għawdex billi mhux biss ikollna itinerarju iżda wkoll nies professjonali li jagħmlu taħdidiet ta’ informazzjoni, kunċerti u attivitajiet għat-tfal”, kompliet il-Ministru Caruana.

Id-Direttur tal-Wirt Kulturali għall-Ministeru għal Għawdex John Xuereb iddeskriva lill-Calì bħala wieħed mill-akbar artisti li qatt kien hawn f’Malta. Huwa ddistingwa ruħu għall-istil realistiku tiegħu u l-influwenzi romantiċi li kkaratterizzaw ix-xogħlijiet tiegħu.