L-ewwel Dumnikan Olandiż wara 20 sena

Id-Dumnikani fl-Olanda ċċelebraw l-ewwel ordinazzjoni ta’ patri fil-komunità tagħhom wara 20 sena li kien ilu ma jkollhom vokazzjoni.
Bħalissa jidher li hemm qawmien ġdid fil-vokazzjonijiet ta’ din l-Ordni.
Infatti x-xahar li għadda Brother Richard Steenvoorde kien ordnat djaknu, u hu wieħed minn tmien żgħażagħ li bdew il-formazzjoni tagħhom ma’ din il-komunità mill-2014 'l hawn, wara żmien twil li kien ilu ma jidħol f’xi ħadd f’din il-kongregazzjoni.
Il-vokazzjonijiet reġgħu bdew  jitqanqlu wara li d-Dumnikani Olandiżi ħatru provinċjal ġdid – Fr Rene Dinklo’ – li bħalissa hu l-iżgħar patri f’din l-Ordni fil-provinċja Olandiża fejn l-età medja tal-patrijiet l-oħra hi ta’ 81 sena.
Il-Provinċjal il-ġdid iddeċieda li jerġa jiftaħ in-novizzjat u allura kellu jibgħat liż-żgħażagħ biex jieħdu l-formazzjoni tagħhom fil-provinċja Ingliża f’Cambridge.
Hemm il-ħsieb li l-patrijiet il-ġodda jiffurmaw komunità f’kunvent f’Rotterdam u jiżviluppaw il-missjoni tagħhom hemm.
F’ittra li kien bagħat lid-Dumnikani Olandiżi fl-2016 qal li meta hu daħal fl-Ordni fis-snin 90 “in-nies fil-provinċja kienu qed jaħsbu  biex jerġgħu jwaqqfu l-Ordni u jiġbru Dumnikani Lajċi biex ikunu l-eredi tagħhom billi l-fergħa Dumnikana tal-pajjiż kienet qed tevapora”. 
Issa jidher li qed tippreżenta ruħha ġenerazzjoni ġdida ta’ Dumnikani.
Waħda mill-problemi, qal il-Provinċjal, kienet li ma kienx hemm ġenerazzjoni tan-nofs u allura kien hemm fetħa kbira bejn il-ġenerazzjonijiet.  Fil-fatt, tmienja mill-54 Patri Dumnikan fl-Olanda għandhom aktar minn 90 sena filwaqt li tnejn mill-membri l-ġodda għandhom biss 22 sena.
Brother Richard qal li l-vokazzjonijiet reġgħu qed jiffjorixxu għax “il-bżonn u l-opportunitajiet għall-kariżma Dumnikana fil-Knisja Olandiża u fis-soċjetà qed tinħass aktar milli kienet tinħass fil-passat. Barra minn dan il-qawmien hu frisk u dinamiku u allura attraenti”.
Il-Provinċja Dumnikana fl-Olanda twaqqfet fl-1465.  Iżda l-patrijiet tkeċċew mill-pajjiż fi żmien ir-riforma u rritornaw fl-1902 u bnew kunvent ġdid.