L-ewwel delegazzjoni li qatt intbagħtet mill-PE fis-Sudan

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Francis Zammit Dimech kien parti mill-ewwel delegazzjoni li qatt intbagħtet mill-Parlament Ewropew fis-Sudan, liema delegazzjoni sabet nuqqasijiet persistenti fil-libertà tal-azzjoni u l-kelma.
Id-delegazzjoni kienet qed tintbagħat f’isem il-Kumitat tal-Parlament Ewropew għad-Drittijiet tal-Bniedem (DROI), u l-membri kienu ġejjin minn partiti politiċi differenti, bħas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, il-Partit Popolari Ewropew u l-Partit tal-Konservattivi u r-Riformisti.
Dawn iltaqgħu ma’ bosta persun distinti fis-Sudan, fosthom l-Ispiker tal-Assemblea Nazzjonali, iċ-Ċerpersin tal-Kumitat għad-Drittijiet Umani, iċ-Ċermen u l-membri tal-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet Umani, u ministri differenti, kif ukoll mas-Soċjetà Ċivili u attivisti oħra favur id-drittijiet tal-bniedem.
Id-delegazzjoni faħħret il-libertà reliġjuża li hemm fil-pajjiż, il-politika li tiffavorixxi l-immigranti mis-Sudan t’Isfel, il-ħelsien mill-arrest ta’ bosta’ attivisti għad-drittijiet umani, it-titjib fl-assistenza umanitarja fi nħawi bil-kunflitti, u l-ħeġġa tal-Gvern Sudaniż biex jiddjaloga mal-komunità internazzjonali.
Aktar kmieni fl-aħħar jiem, l-Aġenzija Kattolika fis-Sudan t'Isfel wissiet li s-sena d-dieħla l-pajjiż se jiffaċċja nuqqas kbir ta’ ikel li jwasslu għal livelli perikolużi.
Madankollu d-delegazzjoni elenkat 5 sfidi li għandu l-pajjiż;

  • Liġijiet restrittivi immens li jxekklu l-libertà tal-azzjoni lis-Soċjetà Ċivili
  • Restrizzjonijiet fl-Att dwar l-Istampa u l-Pubblikazzjoni dwar il-libertà tal-ġurnalisti u l-pubblikaturi
  • Liġijiet li jippenalizzaw nisa għal ilbies indiċenti kemm fil-pubbliku iżda wkoll fil-privat
  • Poteri eċċessivi li għandu s-Servizz Nazzjonali tal-Intelliġenza u s-Sigurtà li jopera mingħajr kontabbiltà
  • Restrizzjonijiet biex jinbnew knejjes Kristjani

Min-naħa tiegħu, Francis Zammit Dimech qal li ħassu onorat li ġie offrut il-possibiltà li jkun parti minn did-delegazzjoni.