L-ewwel bozza ħamra għar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea

Il-Prim Ministru Ingliż David Cameron wissa lill-mexxejja Ewropej li lest joħroġ lir-Renju Unit mill-UE, jekk ir-riformi li qed jipproponi jaqgħu f’widnejn torox.
Cameron mistenni li jwassal ittra lill-President tal-Kunsill Ewropew nhar it-Tlieta li ġej. Din qed tkun meqjusa bħala l-ewwel pass formali biex ir-Renju Unit jerġa’ jibda n-negozjati dwar is-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Il-Konservattivi, qabel l-elezzjoni, kienu wiegħdu referendum sal-2017, dwar jekk ir-Renju Unit għandux jibqa’ parti mill-Unjoni Ewropea.
Fid-diskors tiegħu, nhar it-Tlieta, Cameron mistenni jgħid li jekk il-mexxejja ma’ jaslux għal qbil, u jekk il-proposti u t-tħassib tar-Renju Unit ma jintlaqgħux, ir-Renju Unit lest jibda jaħseb mill-ġdid jekk l-Unjoni Ewropea hiex tajba għalih.
Il-Prim Ministru Inġliż mistenni jiddikjara li hu lest jikkampanja b’ruħu u ġismu biex pajjiżu jibqa’ fl-Unjoni Ewropea, dejjem jekk il-kundizzjonijiet ikunu tajbin.
Fost il-proposti, ir-Renju Unit jixtieq aktar ħidma biex l-Unjoni Ewropea tinfetaħ aktar, biex il-Gvernjiet tal-pajjiżi jkollhom aktar saħħa u biex jonqsu l-benefiċċji lill-Immigranti tal-Unjoni Ewropea.