“L-ewwel attakk terroristiku f’Malta” – L-Arċisqof Gonzi

Read in English.

Il-Ministru Evarist Bartolo ddedika l-messaġġ tal-lum ta’ Facebook għal Karin Grech, it-tfajla ta’ 15-il sena li bħal għada 42 sena ilu, fetħet ittra mgeżwra f’karta tar-rigali tal-Milied, li splodiet f’idha, “faqgħetilha ġisimha u nofs siegħa wara mietet l-isptar”.

Huwa kkwota lill-Arċisqof Mikiel Gonzi li qaddes għall-funeral tagħha, li sejjaħ il-qtil tagħha, bħala “l-ewwel att terroristiku fil-pajjiż”.

Bartolo kompla jispjega li l-ittra li qatlet lil Karin kienet indirizzata lil missierha, il-Professur Edwin Grech. Żied jgħid li Grech kien ġie lura Malta u daħal jaħdem l-isptar biex iservi lill-morda Maltin, waqt li t-tobba kienu qed jorganizzaw strajk kontra l-Gvern Laburista minħabba riformi fil-qasam tas-saħħa.

Il-Ministru qal li dan id-delitt li seħħ fit-28 ta’ Diċembru 1977 għadu sal-lum mhux solvut. Jistaqsi jekk l-investigazzjonijiet sarux kif suppost u jekk setgħux saru aħjar. Staqsa wkoll jekk kienx hemm rieda politika qawwija biżżejjed biex jinqabdu dawk li ppjanaw u wettqu d-delitt.

“L-inkjesta maġisterjali għadha miftuħa. 10 snin ilu ‘It-Torċa’ kienet irrappurtat li l-Pulizija kienet qed tissuspetta f’xi tobba Maltin li jaħdmu l-Ingilterra u li kienu ħaduha kontra l-Gvern Laburista fl-istrajk tal-1977” żied jgħid Evarist Bartolo filwaqt li staqsa dawn il-mistoqsijiet:

  • Dawk li ppjanaw u raw li jitwettaq dan id-delitt, ma nqabdux għax kienu nies imlaħħqa ħafna?
  • Kellhom kuntatti tajbin ħafna, fosthom fl-oqsma politiċi u mediċi?
  • Għadhom ħajjin dawk li ppjanaw dan id-delitt?
  • Għadhom ħajjin dawk li ħallsu l-flus biex tinħadem il-bomba?
  • Għadhom ħajjin dawk li ħadmu l-bomba?
  • Jekk fosthom hemm li mietu, kellhom kuxjenza?
  • Kif lanqas fil-mument tal-mewt ma niggżithom il-kuxjenza biex jitkellmu u jikxfu dan id-delitt?
  • Jekk fosthom għad hawn min hu ħaj, għandu kuxjenza?
  • Tasal tniggżu biex jikxef lil dawk li ppjanaw u ħallsu biex jitwettaq dan l-assassinju?

“Għaddew 42 sena mindu nxtered id-demm innoċenti ta’ Karin. Inqatlet flok misserha, il-Professur Edwin Grech, li serva lill-poplu tagħna kemm bħala professur mediku kif ukoll bħala politiku u bħala ministru. It-tbajja’ ta’ demmha fuq il-kuxjenza nazzjonali tagħna għadhom hemm, daqslikieku nqatlet ilbieraħ”, temm jgħid Bartolo.