“L-ewwel anniversarju mingħajrek ħdejja Miriam” – Carmel Pace

Carmel Pace, ir-raġel ta’ Miriam Pace qal li propju llum huma kien jagħlqu t-32 sena miż-żwieġ tagħhom. Qal li dan huwa l-ewwel anniversarju mingħajrha ħdejh. Miriam Pace tilfet ħajjitha kawża tat-tiġrif ta’ darha waqt li maġenbha kien qed isir xogħol ta’ kostruzzjoni li ma kellux permess li jibda.

Fuq Facebook, Pace qal li huma kellhom 32 sena ta’ argumenti, daħk, biki u ferħ. Qal li l-frott taż-żwieġ tagħhom huma uliedhom li rabbew flimkien b’għaqal u li llum dan jirrifletti fil-karattru ta’ mara u raġel li huma.

Qal li fi żmien 32 sena, minn żewġ żgħażagħ, huma saru ġenituri u mmaturaw flimkien. Qal li kienu qed jippjanaw kif jistgħu jkomplu jgawdu lil xulxin. Sostnali minkejja li dak kien il ħsieb tagħhom, “il-bniedem jippjana u Alla jiddisponi, għax dan il-ħsieb kellu jintemm ħesrem kaġun ta’ l-egoizmu tal-bniedem.”

Hu kompla jgħid li din il-ġimgħa ntalab li jagħti sentenza li kienet tgħid hi u sentenza li tibqa’ tfakkaru fiha. Din hija: “God Bless You ħanini tiegħi.”

“Iva ħanini tiegħi berikna u ibqa ‘ħarisna minn hemm fuq. Love you Mir,” temm jgħid Carmel.

Fl-aħħar jiem, il-familja ta’ Miriam Pace ngħaqdet mat-talba li saret għal inkjesta pubblika dwar l-istess inċident. F’nota, l-avukat tal-familja, David Bonello, qal li l-familja Pace qed tappoġġja s-sejħa għall-inkjesta pubblika u tistenna li jsiru t-taħdidiet u l-konsultazzjonijiet neċessarji mar-rappreżentanti legali tal-istess familja, Dr Joseph Giglio u Dr David Bonello, rigward il-kompożizzjoni tal-istess bord.

Miriam Pace tilfet ħajjitha traġikament fit-2 ta’ Marzu ta’ din is-sena. Dan wara li d-dar tagħha ġġarfet kawża ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni li kien qed isir maġenba. Hi kienet fid-dar fil-ħin tat-tiġrif. Ir-raġel tagħha, Carmel Pace, tkellem kemm-il darba dwar kif ir-regħba tal-kostruzzjoni ħalliet lill-familja tiegħu mingħajr il-figura materna, filwaqt li tenna l-uġigħ u l-vojt li ħalliet warajha Miriam.