L-ewwel anniversarju mill-mewt ta’ Dom Mintoff

Illum qed jiġi mfakkar l-ewwel anniversarju mill-mewt tal-eks Prim Ministru Dom Mintoff, li miet fir-residenza tiegħu f’Ħal Tarxien fl-eta’ ta’ 96 sena.

Il-Perit Duminku Mintoff twieled fis-6 ta’ Awwissu tal-1916 f’Bormla, huwa serva bħala Prim Ministru ta’ Malta għal erba’ leġiżlaturi bejn l-1971 u l-1984 u kien ukoll il-Mexxej tal-Partit Laburista, liema kariga dam jokkupa għal 35 sena.

Dom Mintoff jibqa’ mfakkar għat-twaqqif tar-Repubblika, il-ħelsien mis-servizzi Ingliżi u l-introduzzjoni tas-serizzi soċjali.

Jibqa’ mfakkar ukoll għad-diskors li kien għamel f’Helsinki li wassal għal dikjazzjonijiet favur il-paċi fir-reġjun tal-Mediterran kif ukoll għall-mod kif ivvota kontra l-Gvern Laburista ta’ Alfred Sant fl-1998.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien iddeskriva lil Mintoff bħala "wieħed mill-ġganti l-kbar tal-politika ta’ Malta".

Il-funeral statali ta’ Dom Mintoff sar fil-25 ta’ Awwissu tas-sena li għaddiet, fejn saret quddiesa fil-Kon Katridral ta’ San Ġwann ikkonċelebrata mill-Arċisqof Pawlu Cremona.

Fl-omelija, l-Arċisqof Cremona semma żewġ sinjali marbuta mal-ħajja ta’ Mintoff, l-interpretazzjoni tal-kmand ta’ Ġesu li nħobbu lill-proxxmu u l-imħabba lejn art twelidu.

Fl-aħħar tal-quddiesa nqara wkoll messaġġ ta’ kondoljanzi li kien intbagħat lill-President ta’ Malta mill-Papa Benedittu XVI.

Dom Mintoff kien miżżewweġ lil Moira de Vere Bentinck kellhom żewġ ulied bniet, Anne li hija ekonomista u Yana li tmexxi skola fl-Amerika u hija wkoll konsulenta tal-Gvern Laburista.

Dwar Dom Mintoff inkitbu wkoll numru ta’ kotba kif ukoll sar film.