L-ewwel abitanti f’Malta waslu 700 sena qabel ħsibna

Skont skoperti li saru, l-ewwel abitanti ta’ Malta waslu madwar is-sena 5900QK, jiġifieri madwar 700 sena aktar kmieni minn kemm kien maħsub qabel.
Dan ħareġ mill-proġett FRAGSUS, Fragility and sustainability in restricted island environments: Adaptation, cultural change and collapse in prehistory. Dan il-proġett ta’ riċerka ta’ ħames snin tmexxa minn tim internazzjonali ta’ xjentisti u arkeologi minn Malta, mir-Renju Unit, u mill-Irlanda. Huwa wassal għal skoperti ġodda dwar iż-żmien bikri f’Malta u l-abitanti tagħha. 
Il-Ministru Bonnici qal fi stqarrija li dawn l-iskoperti wasslu għal tweġibiet ġodda li permezz tagħhom Malta qed tiskopri aktar dwar l-istorja tagħha.
Il-proġett sab ukoll li l-gżejjer Maltin raw aktar minn episodju wieħed ta’ kolonizzazzjoni Neolitika. L-istudji dwar id-dieta li saru wrew li beda jonqos il-konsum tal-laħam meta l-kundizzjonijiet ġew agħar, imma l-abitanti bdew jieklu ċ-ċereali u ħaxix ieħor biex isostnu ruħhom. Il-fatt li ma tantx kien jittiekel ħut ittieħdet bħala sorpriża.
Intqal li l-Ministru Bonnici se jniedi wkoll esebizzjoni dwar ir-riżultati ta’ dan il-proġett fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija li se tkun miftuħa b’xejn għall-pubbliku sal-15 ta’ Ġunju.