L-ewwel 3 nisa fl-istorja jissieħbu mal-Protezzjoni Ċivili

DOI - Clodagh Farrugia O'Neill

Propju llum issieħbu mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili l-ewwel tliet nisa fl-istorja tad-dipartiment. Dan qalu l-Ministru għall-Intern Michael Farrugia waqt iċ-ċerimonja tal-passing out parade li saret fl-istazzjon tat-tifi tan-nar f’Ħal Far.

Fi stqarrija ġie spjegat li kien hemm total ta’ 129 uffiċċjal li ħadu l-ġurament tal-ħatra bħala Assistance and Rescue Officers. Dan wara li temmew kors intensiv ta’ 18-il ġimgħa. Il-Ministru Farrugia qal ukoll li dan kien l-ikbar ingaġġ fid-Dipartiment fl-aħħar 20 sena.

Dwar in-nisa, huwa saħaq li dawn se jkunu l-ambaxxaturi tad-dipartiment sabiex iħajru aktar nisa jissieħbu mal-Protezzjoni Ċivili.

Il-Ministru semma l-pjan ta’ seba’ snin li se jkun qed isaħħaħ lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. L-investiment jinkludi tibdil fil-flotta tal-vetturi u tal-inġenji li jkunu mgħammra bl-aħħar teknoloġija, u investiment fir-riżorsi umani u fit-taħriġ li jingħataw.

Fid-diskors tiegħu, Farrugia talab lil dawn il-ħaddiema l-ġodda sabiex fil-kariga tagħhom ikunu disponibbli 24 siegħa kuljum. Hekk kif huma jissejħu sabiex jagħtu l-għajnuna tagħhom jekk jinqala’ każ kbir u ma jkunx hemm biżżejjed ħaddiema xogħol dak il-ħin.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur tad-Dipartiment, Emanuel Psaila, insista li għandhom ikunu kburin bl-uniformi li jilbsu u jkunu kburin ukoll li jagħmlu parti mill-familja tal-Protezzjoni Ċivili.

Skont it-tradizzjoni, fi tmiem iċ-ċerimonja, l-uffiċċjali l-ġodda waddbu l-beritta fl-ajru.