L-ewwel 12-il siġġu tal-Parlament fi Myanmar mirbuħa minn Suu Kyi

Fi Myanmar, jew Burma, l-ewwel elezzjonijiet ħielsa f’25 sena jidhru li taw rebħa kbira lill-partit ta’ Aung San Suu Kyi li, hekk kif għadhom tħabbru r-riżultati tal-ewwel 12-il siġġu Parlamentari, kollha kemm huma ntrebħu mill-partit ta’ Suu Kyi, in-National League for Democracy.
Kelliem għall-partit ta’ Suu Kyi qal li qed jistennew rebħa ta’ 70%.
Fi Myanmar, biex partit jitqies rebbieħ, irid jakkwista iktar minn żewġ terzi (66%) tas-siġġijiet ikkontestati, bi kwart tas-siġġijiet li jinżammu mill-armata.
Imma minkejja li se tkun rebħet l-elezzjoni, Aung San Suu Kyi ma tistax tiġi dikjarata President tal-pajjiż għax il-kostituzzjoni ma tippermettix li President ikollu wlied barranin.
Ulied Suu Kyi, kif kien żewġha, għandhom ċittadinanza Ingliża.
Iktar kmieni din is-sena vot fil-Parlament ma rnexxilux jikseb iż-żewġ terzi biex din il-klawsola tinbidel.
Suu Kyi qalet li f’dan il-każ, hi tkun ‘il fuq mill-President.
Suu Kyi niżlet fl-istorja bħala politiku ta’ reżistenza paċifika għad-demokrazija, fost l-oħrajn minħabba l-15 minn 21 sena arrestata f’darha minħabba l-oppożizzjoni tagħha għall-politika dittatorjali f’pajjiżha. Hi r-rebbieħa tal-premijiet Rafto u Sakharov fl-1990, u l-Premju Nobel għall-Paċi fl-1991. Ingħatat ukoll diversi premijiet nazzjonali u ċittadinanzi onorarji minn pajjiżi differenti, inkluż mill-Indja, mill-Venezwela, mill-Pakistan, mill-Kanada u mill-Istati Uniti.
Il-Premju Nobel għall-Paċi kien irtirat minn uliedha, peress li ngħatalha fi żmien li kienet arrestata f'darha. Hi użat il-flus marbuta mal-premju, $1.3 miljun jew €1.2 miljun, biex fetħet fond għas-saħħa u l-edukazzjoni tal-poplu ta' Myanmar.