L-ewtanasja u s-suwiċidju assistit huma telfa għal kulħadd

L-ewtanasja hi telfa għal kulħadd

F’messaġġ fuq Twitter wara li sar jaf bil-mewt tat-tfajla Olandiża ta’ 17-il sena, Noa Pothaven, il-Papa Franġisku għamel appell biex qatt ma nabbandunaw lil min qed isofri. Insista li l-ewtanasja u s-suwiċidju assistit huma telfa għal kulħadd u minflok qatt ma għandna naqtgħu qalbna milli nkomplu nagħtu kura, mħabba u tama lil min qed isofri.

Noa Pothoven

Noa kienet tfajla Olandiża ta’ 17-il sena li kien qed issofri minn stress post-trawmatiku wara li f’ħajjitha għaddiet minn diversi esperjenzi negattivi fosthom l-anoressija u d-dipressjoni.

Din it-tfajla tablet lil klinika private f’pajjiżha għal kura speċjaliżżata biex tgħinha tmut. Jidher li din it-talba ma ntlaqgħetx iżda Noa xorta mietet ftit wara għax irrifjutat li tixrob u tiekol. Il-ġenituri u t-tobba aċċettaw din id-deċiżjoni tagħha.

F’ċerti pajjiżi l-ewtanasja u s-suwiċidju assistit huma prattiċi legali li persuna minn 12-il sena ‘l fuq jistgħu jitolbu jekk il-ġenituri tagħhom jippermettulhom u dawk ‘l fuq minn 16-il sena anqas għandhom bżonn il-kunsens tal-ġenituri. Fil-fatt il-familja ta’ Noa lmentat mill-fatt li fl-Olanda m’hemmx postijiet għal żgħażagħ bi problem fiżiċi u mentali bħal dawk li kellha binthom.

Mediċina Paljattiva 

Diversi speċjalisti fil-mediċina isostnu l-ħtieġa li jkun hemm liġijiet dwar kura paljattiva ta’ kwalità għal persuni li jkunu qed isofru minn mard fiżiku u psikiku kif kellha Noa Pothaven.

Skont dawn l-ispeċjalisti “hu dover tal-Istat li jagħti dritt ta’ aċċess għal din it-tip ta’ kura lil kulħadd u dan jista’ jsir biss bl-impenn ta’ min imexxi bil-kollaborazzjoni ta’ soċjetajiet li juru kumpassjoni u solidarjetà ma’ dawk l-aktar vulnerabbli”.

Għal dan l-iskop għandhom jinħolqu tims ta’ professjonisti mediċi f’dixxiplini differenti, infermiera, psikologi, ħaddiema soċjali u assistenti spiritwali.

Jenfasizzaw ukoll li “bħalissa, fil-każi kollha ta’ tbatija kaġunati minn uġiegħ fiżiku u/jew mentali, diġa’ hu evidenti li l-mediċina paljattiva hi effikaċi biex tinnewtralizza jew almenu tnaqqas din it-tbatija.