“L-ewtanasja hi dejjem ħażina” – Franġisku

F’messaġġ li bagħat nhar il-Ħamis li għadda lil parteċipanti f’laqgħa organizzata mill-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja, il-Papa Franġisku enfasizza li d-deċiżjoni li jitwaqqaf trattament mediku straordinarju li jkun qed jingħata lill-pazjent hu kompletament differenti mill-ewtanasja li hi dejjem ħażina.
Il-Papa qal li bl-avvanzi kbar fit-trattament mediku, spiss jistgħu jinqalgħu sitwazzjonijiet fejn pazjent li jkun qed ibati minn marda terminali, jinżamm ħaj permezz ta’ mezzi straordinarji. 
Dan it-trattament mhux dejjem iħalli benefiċċju fuq il-pazjent. “It-tobba għandhom jevitaw it-tentazzjoni li jinsistu fuq trattament li jħalli effetti kbar fuq il-ġisem bla ma jagħmlu ġid lill-persuna konċernata”.
Hu fakkar li madwar 60 sena ilu, il-Papa Piju XII f’indirizz memorabbli li kien għamel lil speċjalisti tal-kura intensiva u tobba, kien qal li ma hemmx obbligu li f’kull ċirkostanza wieħed jirrikorri għal kull rimedju possibbli għall-fejqan, u f’każi speċifiċi hu permess li dawn il-mezzi straordinarji ma jintużawx.
Dan ifisser li mhux moralment leċitu li wieħed jiddeċiedi li ma jadottax miżuri terapewtiċi, jew li jwaqqafhom meta l-użu tagħhom ma jkunx skont l-etika umana magħrufa bħala “proporzjon ġust fl-użu ta’ rimedji mediċi”.
F’xi każi, id-deċiżjoni li jitwaqqaf dan it-tip ta’ trattament hu għarfien umli tal-limitazzjonijiet tal-mortalità tagħna meta jkun jidher ċar li għalxejn wieħed jibqa’ jopponi l-mewt. “Imma din id-deċiżjoni mhix l-istess bħall-isforz apposta biex tintemm ħajja umana”, sostna l-Papa Franġisku.
Fid-diskussjoni dwar il-kura ta’ tmiem il-ħajja, il-Papa osserva wkoll li trattament mediku li jiswa ħafna flus ġeneralment jingħata lil numru limitat u privileġġjat ta’ membri tas-soċjetà. 
Wieħed irid jindirizza bis-serjetà t-tendenza sistematika ta’ inugwaljanza fil-kura tas-saħħa.
Il-Papa qal ukoll fil-messaġġ tiegħu lil din il-konferenza, li meta jqumu kwestjonijiet dwar il-kura fi tmiem il-ħajja “l-Istat ma jistax jitlaq mid-dover tiegħu li jipproteġi lil dawk kollha involuti. Il-gvernijiet għandhom ikunu għajjura għad-drittijiet ta’ dawk li huma l-aktar vulnerabbli.