L-Ewtanasja għall-mard mentali hi suwiċidju assistit

Wara l-imwiet traġiċi tad-disinjatriċi tal-moda Kate Spade u l-kok ċelebri Anthony Bourdain, il-professjonisti tal-mard mentali enfasizzaw il-bżonn li wieħed jirrikonoxxi r-riskju tas-suwiċidju u l-importanza li jingħataw għajnuna dawk li jbatu mid-dipressjoni u li għandhom ħsibijiet suwiċida.

Iżda hekk kif aktar pajjiżi qed jillegalizzaw l-ewtanasja u s-suwiċidju assistit mit-tobba, qed tikber il-biża’ li l-prevenzjoni tas-suwiċidju qed tispiċċa f’assistenza għas-suwiċidju.

Aktar kmieni din is-sena, professjonisti mediċi fl-Olanda għamlu ewtanasja fuq mara ta’ 29 sena li kienet qed issofri minn dipressjoni u xi mard mentali ieħor, wara li l-pajjiż illiberaliżża l-liġijiet dwar l-ewtanasja li huma fost l-aktar premissivi fid-dinja u għamel l-ewtanasja legali għal dawk il-persuni b’mard mentali. Fil-Belġju wkoll l-ewtanasja hi legali għal persuni li ma għandhomx mard terminali imma għandhom xi diżordni mentali.

Psikjatri u professjonisti tal-mard mentali li għandhom imorru għall-għajnuna dawk il-persuni morda mentalment jew li jkollhom ħsibijiet suwiċida. Il-bidla minn prevenzjoni tas-suwiċidju għal assistenza fis-suwiċidju minn dawk il-persuni li normalment huma assoċjati mal-prevenzjoni, hi inkwetanti u allarmenti ħafna.

Din hi l-fehma ta’ Michael Wee, uffiċjal edukattiv tal-Anscombe Bioethics Centre bażat f’Oxford li hu Ċentru Akkademiku Kattoliku li jistudja kwestjonijiet morali li jqumu fil-prattika medika u r-riċerka biomedika.