L-Ewropej se jaħdmu biex jimblokkaw użu ta’ mezzi soċjali b’rabtiet mal-ISIS

Tim ta’ pulizija minn madwar l-Ewropa dalwaqt se jibda jaħdem biex jibblokka l-profili tal-mezzi soċjali li għandhom rabtiet mal-Istat Iżlamiku.
Studju li sar dan l-aħħar fl-Istati Uniti juri li hemm mill-inqas 46,000 profil ta’ Twitter li hu marbut mal-grupp militanti. Il-parti l-kbira ta’ dawn il-profili jintużaw biex jingaġġaw membri ġodda mal-ISIS.
Mill-1 ta’ Lulju li ġej, l-aġenzija Ewropea tal-Pulizija, il-Europol, se tkun qed taħdem ma’ kumpaniji tal-mezzi soċjali biex tidentifika l-profili. L-għan hu li dawn jingħalqu fi żmien sagħtejn wara li jitwaqqfu.
Skont il-Europol, 5,000 ċittadin Ewropew, fost l-oħrajn mir-Renju Unit, Franza, mill-Belġju u mill-Olanda, marru f’territorji kkontrollati mill-Istat Iżlamiku.