L-Ewropej qed jgħixu inqas!

Għall-ewwel darba f’bosta snin, statistika maħruġa mill-Eurostat turi li fost iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea kien hemm tnaqqis f’kemm jgħixu in-nies.
Fil-fatt, bejn is-sena 2014 u s-sena 2015 ċittadin Ewropew kellu life exptectancy ta’ 80.6 snin, tnaqqis ta’ 0.3 mis-sena ta’ qabel. Din kienet l-ewwel darba sa mis-sena 2003 li kien tnaqqis, hekk kif bejn l-2003 u l-2014 din l-età għoliet b’3.2 snin minn 77.7 kif kienet fis-sena 2003 meta ttieħdet l-istatistika għal ewwel darba.
L-għola rata kienet dik fir-reġjun tal-kapitali Spanjola b’stennija ta’ ħajja ta’ 84.5 snin filwaqt li l-inqas kienet fil-Bulgaria, bi 11-il sena inqas. Apparti Spanja, l-istatistika turi wkoll stennija ta’ ħajja itwal mill-medja Ewropeja fix-xlokk ta’ Franza u fiċ-ċentru u t-tramuntana tal-Italja. Min-naħa l-oħra, apparti l-Bulgarija, riżultati oħra taħt il-medja Ewropea kienu reġistrati f’bosta pajjiżi tal-lvant ta’ l-Ewropa fosthom l-iSlovakja, il-Polonja, l-Latvja, l-Litwanja u r-Repubblika Ċeka.
Fil-każ tal-Litwanja dan kien ukoll il-pajjiż fejn kien hemm l-akbar differenza bejn l-irġiel u n-nis,a bin-nisa jgħixu aktar minn għaxar snin aktar mill-rġiel. Min-naħa l-oħra d-differenzi bejn is-sessi fuq livell Ewropew hi ta’ ftit aktar minn 5 snin favur in-nisa.
U f’Malta qed ngħixu aktar jew inqas mill-medja Ewropeja? L-istatistika turi li Malta taqbeż il-medja Ewropeja hekk kif l-istennija ta’ ħajja hi ta’ aktar minn 81 sena. B’hekk, filwaqt li Malta mhijiex mal-għola pajjiżi f’din l-istatistika, tinstab f’posizzjoni għola mill-medja Ewropeja.