Read in English.
L-Unjoni Ewropea uffiċjalment bdiet il-programm tagħha ta’ tilqim kontra l-coronavirus dawn il-jumejn, peress li l-vaċċin ta’ Pfizer u BioNTech ilbieraħ wasal fil-pajjiżi, u llum bdew jitlaqqmu n-nies.
L-għan aħħari hu li l-vaċċin ikun disponibbli għall-adulti kollha sa tmiem l-2021.
Xi pajjiżi, bħall-Ġermanja, l-Ungerija u l-Islovakkja, ma setgħux jistennew sal-lum biex jagħtu l-vaċċin, u l-ewwel tilqimiet ingħataw ilbieraħ.
Il-vaċċin ingħata għall-ewwel darba f’Malta dalgħodu lil infermiera f’Mater Dei. Fl-Italja, il-vaċċin ingħata l-ewwel lil riċerkatriċi, lil infermiera u lil social worker f’Ruma.
L-infermiera Claudia Alvernini kienet ferħana li kienet minn tal-ewwel li tlaqqmet kontra l-virus, u qalet li dan hu l-bidu tat-tmiem. Ħassitha onorata li kienet parti minn mument hekk storiku.

Fi Spanja, l-ewwel persuna li tlaqqmet kienet anzjana ta’ 96 sena li toqgħod ġo dar tal-anzjani.

Diversi pajjiżi Ewropej oħra bdew jagħtu l-vaċċin illum, bħal Franza, il-Lussemburgu, il-Belġju, l-Awstrija u l-Bulgarija. Fl-Irlanda, pereżempju, il-vaċċin jibda jingħata nhar l-Erbgħa.
Il-Prim Ministru Ċek Andrej Babiš kien l-ewwel mexxej Ewropew li ħa l-vaċċin. Bħalu għamlu wkoll il-President tas-Slovakkja, u l-Prim Ministru u President Griegi.
Minkejja din l-aħbar tajba, il-varjant il-ġdid tal-Covid-19 qed ikompli jinfirex ġmielu wkoll. Erba’ każijiet ġew irrappurtati f’Madrid, filwaqt li nstabu wkoll każijiet tal-varjant fil-Kanada u fl-Iżvezja.