“L-Ewropa trid taġixxi,” Ministri Ewropej se jiddiskutu aktar miżuri ta’ sigurtà

Il-Ministri Ewropej tal-Intern se jiltaqgħu b’urġenza fi Brussell biex jiddiskutu aktar miżuri tas-sigurtà fil-fruntieri taż-żoni fix-Schengen.
Il-Ministru tal-Intern Franċiż qal li l-pajjiżi Ewropej iridu jaġixxu quddiem it-theddid terroristiku wara l-attakki f’Pariġi bħal lum ġimgħa li ħallew 129 persuna mejta.
Huwa qal dan wara li rriżulta li daħal fi Franza mingħajr ma ġie osservat, il-moħħ wara l-attakki, Abdelhamid Abaaoud, li lbieraħ ġie kkonfermat li l-Erbgħa nqatel fir-rejd ta’ seba’ sigħat f’Pariġi.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Belġjan iddefenda s-servizzi tas-sigurtà fil-Belġju, fost allegazzjonijiet li l-attakki ġew ippjanati fil-Belġju stess.
"Terroristi ħadu vantaġġ mill-kriżi tal-immigrazzjoni fl-Ewropa biex jidħlu fi Franza"
Il-Prim Ministru Franċiż qal li wħud minn dawk involuti fl-attakki ħadu vantaġġ mill-kriżi tal-immigrazzjoni fl-Ewropa, biex jidħlu fi Franza mingħajr ħadd ma jinduna.
"Attakk bħal ta' Pariġi jista' jsir fi kwalunke ħin f'Belt Ewropea"
Il-Kap tas-Servizzi tas-Sigurtà fil-Ġermanja qal li attakk simili għal dak ta' Pariġi jista' jseħħ fi kwalunkwe ħin f'xi Belt Ewropea.
Iddeskriva t-theddida li għandha l-Ġermanja bħala waħda "serja ħafna."