L-Ewropa trid 30% tal-biedja ssir organika

Read in English.

L-Unjoni Ewropea qed tħeġġeġ biex 30% tal-produzzjoni mill-għelieqi kollha madwar is-27 pajjiż issir b’mod organiku. Dan ħareġ f’dokument ta’ konsultazzjoni pubblika ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea li fih jikkwotaw statstika tal-Eurostat li tindika li Malta għandha l-anqas rata ta’ produzzjoni organika mill-pajjiżi kollha b’0.4% biss tal-produzzjoni kollha.

Din il-proposta tifforma parti mill-European Green Deal tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen. Għas-sena 2021, il-Kummissjoni qed tippjana li talloka baġit speċifiku ta’ €40 miljun għall-biedja organika taħt il-politika ta’ promozzjoni. Dan il-baġit se jikkofinanzja azzjonijiet ta’ promozzjoni u kampanji ta’ informazzjoni dwar is-settur organiku tal-Unjoni Ewropea. Dan billi titqajjem kuxjenza dwar il-kwalitajiet tal-biedja organika u tiżdied id-domanda mill-konsumaturi.

Jeħtieġ bidla fir-rekwiżiti għall-Maltin – Peter Agius

Peter Agius, uffiċjal pubbliku tal-Unjoni Ewropea, saħaq li l-bidwi Malti jrid jiġi nkoraġġit ikabbar parti mill-produzzjoni tiegħu b’mod organiku, bla bexx u f’relazzjoni aktar f’saħħitha man-natura u l-ħolqien. Spjega li biex dan isir iridu jinbiddlu uħud mir-rekwiżiti tal-liġijiet Ewropej li jagħmluha aktar diffiċli biex wieħed jikkwalifika għall-kriterju organiku minn Malta.

Ma’ Newsbook.com.mt, Peter Agius qal li fil-ġimgħat li ġejjin se jiltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea, il-bdiewa Maltin u l-organizzazzjonijiet Maltin tal-konsumaturi biex iressaq il-proposti tiegħu.

Wieħed jista’ jissottometti l-ideat u s-suġġerimenti tiegħu fil-konsultazzjoni pubblika hawn li tibqa’ miftuħa għal perjodu ta’ 12-il ġimgħa sas-27 ta’ Novembru li ġej.