L-Ewropa tikkunsidra sanzjonijiet kontra t-Turkija; Malta turi riservi

Jeremy Wonnacott (DOI)

Il-Prim Ministru Robert Abela wera riservi fuq l-użu ta’ sanzjonijiet kontra t-Turkija fuq it-tensjonijiet mal-Greċja u Ċipru dwar il-fruntieri marittimi f’kummenti li ta lill-ġurnalisti fl-ewwel jum ta’ Summit Speċjali tal-Kunsill Ewropew fi Brussell.

Is-summit tlaqqa’ biex jiġu diskussi affarijiet barranin, partikolarment is-sitwazzjoni fil-Lvant tal-Mediterran. Però Abela insista li l-Unjoni Ewropea trid tħares lejn Mediterran wieħed u mhux settorjali.

“Bħala pajjiż morna b’mod iktar ħolistiku li ma nħarsux lejn il-Mediterran settorjalment, lejn il-Lvant tiegħu biss, iżda lejn il-Mediterran b’mod ħolistiku li jinkludi s-sitwazzjoni bejn il-Libja u Malta inkluż l-immigrazzjoni,” qal Abela.

Filwaqt li qed jiġu kkunsidrati sanzjonijiet kontra t-Turkija minħabba l-insistenza tal-pajjiż li jħaffer għall-gass f’ibħra kkontestati wkoll minn Ċipru u mill-Greċja, il-Prim Ministru Malti wera t-tħassib tiegħu fuq pass bħal dan.

“Iktar mis-sanzjonijiet nemmnu fit-triq tal-paċi u tad-djalogu u jidher li dik se tkun id-direzzjoni li se jieħu l-Kunsill biex nikkalmaw it-tensjonijiet li hemm fil-mument,” Abela qal, għalkemm sostna li jifhem il-pressjoni li hemm fuq Greċja u fuq Ċipru.

Żied jgħid li jekk l-Ewropa tħalli jew iżżid it-tensjonijiet mat-Turkija, tista’ tiżviluppa sitwazzjoni li flok tiffaċilità jew ittejjeb is-sitwazzjoni, l-affarijiet jafu jmorru għall-agħar.

Malta kellha numru ta’ taħdidiet mat-Turkija din is-sena, partikolarment minħabba s-sostenn kruċjali li t-Turkija tagħti lill-Gvern ta’ Għaqda Nazzjonali fi Tripli. L-għajnuna tat-Turkija kienet meqjusa essenzjali biex twaqqaf assedju fuq Tripli aktar kmieni din is-sena bħala parti mill-gwerra ċivili Libjana, fejn bħalissa hemm waqfien mill-ġlied.

Però t-Turkija, li tospita ħafna refuġjati – partikolarment mis-Sirja – regolarment thedded li tħalli miljuni minnhom imorru lejn l-Ewropa meta l-politika barranija tiġi kkritikata.

Abela qal ukoll li bit-test propost mill-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel, hemm triq ’il quddiem li tista’ twassal għal soluzzjoni fir-rigward ta’ dawn it-tensjonijiet.

Il-PM tkellem ukoll dwar il-patt tal-immigrazzjoni propost mill-Kummissjoni Ewropea, li ddeskriva bħala wieħed li joffri bażi tajba. Qal ukoll li Malta kienet katalista biex dan is-suġġett jitqiegħed mill-ġdid fuq l-aġenda Ewropea, imma fakkar li d-diskussjoni fuq il-patt għad trid tibda.

“Għal tant xhur ftit li xejn sar u sa mill-bidunett li attendejt f’dan il-Kunsill kont vuċi soda fuq dan is-suġġett. Nemmen li llum qed naraw ir-riżultati, iżda fadal ħafna xi jsir,” Abela qal.