L-Ewropa b’nuqqas tal-vaċċin tal-influwenza fix-xitwa

Diversi bliet madwar l-Ewropa qed jaffaċċjaw nuqqas tal-vaċċin tal-influwenza hekk kif hemm żieda fit-talba għall-istess vaċċin fix-xitwa. Dan qed iżid ir-riskju ta’ “epidemija doppja” b’konsegwenzi potenzjalment letali maż-żieda fil-każijiet ta’ COVID-19.

Bosta gvernijiet żiedu l-ordnijiet tagħhom għall-vaċċin din is-sena, u bdew kampanji biex iħeġġu liċ-ċittadini jitlaqqmu kontra l-influwenza.

L-għan kien li n-nies jibdew jitlaqqmu aktar kmieni mis-soltu din is-sena, u li numru akbar ta’ persuni mill-450 miljun persuna fil-kontinent jieħdu l-vaċċin biex jitnaqqas il-piż fuq is-servizzi tas-saħħa.

L-istaġun tal-influwenza fl-Ewropa jibda f’Ottubru u tipikament l-infezzjonijiet jiżdiedu bejn nofs Novembru u l-bidu ta’ Diċembru, skont data miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard.

Il-viruses tal-influwenza staġjonali jikkawżaw bejn 4 miljun u 50 miljun infezzjoni fis-sena, u madwar 70,000 persuna fl-Ewropa jitilfu ħajjithom kull sena minn komplikazzjonijiet marbuta mal-influwenza, l-aktar fost adulti aktar anzjani u gruppi li huma f’riskju.

Miżuri ta’ prekawzjoni għat-tnaqqis tal-firxa ta’ COVID-19 bħal distanza soċjali, l-ilbies ta’ maskli u ħasil tal-idejn jistgħu jnaqqsu l-firxa tal-infezzjonijiet f’dan l-istaġun.