L-Ewropa tibda tiftaħ il-fruntieri interni

REUTERS/Guglielmo Mangiapane

Read in English.

Il-pajjiżi Ewropej irħew uħud mill-kontrolli mal-fruntieri nhar it-Tnejn wara l-lockdowns tal-coronavirus, imma minħabba li Spanja għadha ma fetħitx il-fruntieri, flimkien ma’ numru ta’ restrizzjonijiet f’postijiet oħra, kif ukoll metodi ġodda ta’ ħidma jfisser li għadna l-bogħod mil-livelli tal-ivjaġġar li kellna qabel il-pandemija.

Iż-żona Schengen magħmula minn 22 pajjiż tal-UE flimkien mal-Iżlanda, Liechtenstein, in-Norveġja u l-Isvizzera topera qsim bejn il-fruntieri mingħajr kontrolli, iżda dawn ilhom magħluqa għal dawn l-aħħar tliet xhur ħlief għall-passaġġ ta’ merkanzija u ta’ ħaddiema importanti.

Il-ġimgħa l-oħra, Ylva Johansson, il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Interni ħeġġet lill-membri kollha taż-żona Schengen biex sa nhar it-Tnejn ineħħu l-kontrolli interni fuq il-fruntieri, biex jippermettu li jerġgħu jiftħu bil-mod għal pajjiżi oħra minn Lulju li ġej.

Dan il-pass jista’ jgħin biex isalva parti mill-istaġun tas-sajf għall-Ewropa, wara li l-pandemija ħolqot diversi problemi għall-ivvjaġġar u l-industrija tat-turiżmu. Flimkien mas-setturi tar-rikreazzjoni u l-kultura, dan is-settur jammonta għal kważi 10% tal-ekonomija tal-UE, u parti ħafna akbar fil-pajjiżi Mediterranji, li kienu wħud minn dawk il-pajjiżi l-agħar milquta mill-epidemija.

Mill-Iżlanda sal-Greċja, nhar it-Tnejn se jintreħew diversi restrizzjonijiet għal dak li jixtiequ jivvjaġġaw mill-UE u miż-żona Schengen, imma dan ma jfissirx li l-420 miljun abitant ta’ din iż-żona se jkunu jistgħu jerġgħu lura għal vjaġġar mingħajr ebda restrizzjoni.

Spanja mhux se tiftaħ il-fruntieri għal turisti barranin qabel il-21 ta’ Ġunju, b’eċċezzjonijiet għal uħud mill-gżejjer Spanjoli.

F’postijiet oħra, id-dritt għall-ivvjaġġar se jiddependi fuq il-post fejn tgħix u fejn inti sejjer.

Il-Greċja se timponi kwarantina fuq dawk li qed jaslu minn diversi ajruporti fi tmien pajjiżi tal-UE. Ir-Repubblika Ċeka għandha sistema ta’ dwal tat-traffiku, fejn turisti minn pajjiżi meqjusa ‘oranġjo’ jew ‘ħomor’, bħall-Portugall jew l-Iżvezja, mhux se jitħallew jidħlu.

Id-Danimarka se tħalli li jidħlu turisti mill-Iżlanda, il-Ġermanja u n-Norveġja, imma partikularment mhux mill-Iżvezja, sakemm dawn jibbukkjaw akkomodazzjoni għal mill-anqas sitt iljieli.

Il-perjodu ta’ ġimgħatejn ta’ kwarantina mandatorja li r-Renju Unit qed jimponi fuq vjaġġaturi barranin ifisser li l-Brittanniċi se jkollhom jiffaċċjaw l-istess sitwazzjoni ta’ kwarantina fi Franza.

Qabel il-kriżi, medja ta’ 3.5 miljun persuna qasmu xi fruntiera interna fl-UE kuljum, skont rapport tal-Parlament Ewropew li sar is-sena l-oħra, b’madwar 1.7 miljun jivvjaġġaw kuljum minħabba xogħol.

Diversi minn dawn tal-aħħar issa qed jaħdmu minn djarhom, waqt li restrizzjonijiet kontinwi u tħassib dwar is-saħħa huma mistennija li jnaqqsu t-turiżmu u l-ammont ta’ vjaġġar minħabba x-xogħol.

Fl-Ajruport ta’ Brussell, se joperaw madwar 60 vjaġġ fl-ewwel jum tal-ftuħ mill-ġdid tiegħu, jiġifieri 10% tas-600 titjira li jsiru normalment.