L-Ewropa tibda tieħu l-passi biex iżżomm il-ftehim mal-Iran fuq saqajh

Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit, pajjiżi li kienu ffirmaw il-ftehim mal-Iran, diġà bdew jieħdu l-ewwel passi biex iżommu l-ftehim fuq saqajh, wara li l-Istati Uniti rtirat minnu.
Dawn il-passi qed jitqiesu bħala kruċjali biex iżommu r-rabtiet politiċi u kummerċjali b’saħħithom mal-Iran. Sadanittant, l-Istati Uniti diġà bdiet b’sanzjonijiet friski kontra l-Iran.
Il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tat-tliet pajjiżi msemmija mistennija jiltaqgħu nhar it-Tlieta biex jiddiskutu.
Il-Kanċillier Ġermaniż, Angela Merkel, qalet li hemm bżonn li issa jiġu diskussi pjanijiet sabiex il-ftehim mal-Iran jibqa’ għaddejn, anki mingħajr l-Istati Uniti.
Dan hu possibbli għax il-ftehim kien wieħed bilaterali, u ebda pajjiż m’għandu s-setgħa li jtemmu.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Franċiż għall-Finanzi, Bruno Le Maire, qal li l-istati Ewropej se jipproponu lill-Kummissjoni Ewropea miżuri li jimblukkaw is-sanzjonijiet.
Le Maire qal lill-midja li ma nistgħux nibqgħu sejrin fid-direzzjoni li kull darba li l-Istati Uniti tieħu deċiżjoni kulħadd ibati l-konsegwenzi.
Fl-Ewropa hemm il-biża’ li jekk is-sitwazzjoni ma tiġix immaniġġjata sewwa, se twassal għal aggravament tal-ġlied fil-Lvant Nofsani.
Fil-fatt, it-tensjoni bejn Iżrael u l-Iran diġà qabdet tielgħa, wara li tal-ewwel allega li kixef pjan nukleari tal-Iran. Dan wieġbu li mhu minnu xejn, u lbieraħ Iżrael attakka lil Iran.
Ritratt: Reuters