“L-Ewropa mardet” – il-Kardinal Parolin

L-Ewropa llum qed issofri minn “marda kiefra”, qal is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan f’intervista lill-ġurnal Taljan ta’ kuljum La Stampa.
Il-Kardinal Pietro Parolin qal li l-kriżi tal-immigrazzjoni, il-kunflitti ekonomiċi, il-biża’ mit-terroriżmu, u l-qawmien ta’ sentiment populista, kollha żiedu fid-diffikultajiet li qed tħabbat wiċċha magħhom il-komunità Ewropea.
Żied li l-Ewropa qed tbati wkoll għax m’għadhiex taf tapprezza l-wirt Nisrani komuni li rċiviet.
Il-kultura li takkomuna lill-Ewropej hi l-istess “demm li jagħti l-ħajja” lill-kontinent, fi kliem il-Kardinal. Imma dan il-wirt li kien il-qafas li fuqu nbniet l-UE maż-żmien ġie mwarrab fi proċess li “xeħet dejjem iżjed lill-Kristjaneżmu fl-isfera privata”.
Minflok daħlu l-individwaliżmu u l-konsumeriżmu, li wasslu biex jintilef is-“sens veru komuni ta’ identità”.
Dwar l-immigrazzjoni u l-biża’ mit-terroriżmu, il-Kardinal Parolin qal li t-terroriżmu jsib fejn jikber l-iżjed f’komunitajiet foqra u emarġinati. Ħeġġeġ għal aċċettazzjoni tal-immigranti, flok it-tħeġġiġ ta’ movimenti nazzjonalisti li jridu jżommu l-barranin milli jidħlu fil-pajjiż.
Fl-istess ħin, il-Kardinal qal li l-immigranti għandhom ir-responsabbiltà morali li jirrispettaw il-liġijiet tal-pajjiżi fejn jgħixu u tal-kulturi li jilqgħuhom.