L-Ewropa l-epiċentru ta’ din il-mewġa tal-coronavirus

Franza Coronavirus
Youtube - France 24

L-Ewropa qed titqies bħala l-epiċentru ta’ din il-mewġa tal-coronavirus, billi terz tal-każijiet il-ġodda madwar id-dinja qed jinstabu f’pajjiżi fil-Punent tal-Ewropa.

Il-ġurnal The Guardian irrapporta li l-Ewropa qed ikollha aktar każijiet mill-Indja, il-Brażil u l-Istati Uniti kollha f’daqqa, li kien qed ikollhom ammont sostanzjali ta’ każijiet tal-Covid-19.

Il-Ġimgħa, il-każijiet tal-coronavirus madwar id-dinja żdiedu b’aktar minn 400,000 għall-ewwel darba. Dan kien rekord fiż-żieda tal-każijiet fid-dinja.

Madwar l-Ewropa, diversi pajjiżi qegħdin iħarrxu l-miżuri tagħhom fil-ġlieda kontra l-virus, billi, pereżempju, fi Franza n-nies mhumiex jitħallew joħorġu filgħaxija. Fl-Iżvizzera għadu kemm tħabbar li minn għada, mhumiex se jkunu permessi gruppi ta’ aktar minn 15-il persuna. Il-maskri jridu jintlibsu kullimkien fuq ġewwa.

F’Malta wkoll ħraxu l-miżuri, peress li l-bars u l-każini issa se jkollhom jibdew jagħlqu fil-11pm. Il-maskri issa jridu jintlibsu kullimkien ukoll, saħansitra fit-toroq, u dan qed jiġi infurzat bil-multi.