“L-Ewropa inkwetata b’Myanmar, bit-Turkija u b’Malta” – Tajani lill-Papa

Il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani qal quddiem il-Papa Franġisku li jinsab inkwetat dwar is-sitwazzjoni fil-Myanmar, it-Turkija u f’Malta.
Waqt l-indirizz tiegħu fil-konferenza (Re)Thinking Europe fejn stqarr li ħafna ħajjiet qed jinħasdu, Tajani qal li jinsab preokkupat dwar dak li ġara f’Malta dan l-aħħar, meta ġiet assassinata b’mod mill-iktar brutali ġurnalista, li fi kliemu dejjem fittxet li toħroġ il-verità.
Fit-Turkija hemm diversi każijiet fejn id-drittijiet fundamentali tal-bniedem mhux qed jiġu mħarsa, filwaqt li fil-Myanmar il-minoranza tar-Rohingja għaddejja minn tbatija waqt li tipprova taħrab mill-pajjiż. 
Il-President tal-PE fakkar kif ingħata l-Premju Sakharov għall-Ħelsien tal-Ħsieb lill-Oppożizzjoni demokratika tal-Venezwela.
Tajani semma wkoll kif il-problemi tal-qagħad, l-esklużjoni soċjali u l-faqar iridu jiġu indirizzati fl-Ewropa.
Fi kliem Tajani, hemm bżonn li wieħed ikun jista’ jdur lejn l-Ewropa biex isib il-protezzjoni u biex din tisma’ dak li jridu jgħidu ċ-ċittadini. Tajani sostna wkoll li l-Ewropa qamet mill-irmied tal-gwerra minħabba li setgħet terġa’ tqajjem il-fidi tagħha fil-bniedem, li huwa kapaċi jirrikonċilja.
Preżenti għal (Re)Thinking Europe kien hemm l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna, l-Isqof Mario Grech, is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia, il-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola u l-Kap tal-MEUSAC Vanni Xeureb, fost oħrajn.