L-Ewropa fiċ-Ċina permezz tal-kitba

Inizjattiva letterarja ġdida se tkun qed tieħu l-Ewropej fiċ-Ċina permezz tal-kitba. Il-proġett Flash Ewropa 28 ġabar biċċiet ta’ proża qasira minn 28 pajjiż differenti, li jridu jkunu oriġinali u kreattivi għall-qarrej Ċiniż. Wieħed mill-kriterji kien li l-istejjer ikunu ankrati fil-pajjiż li ġejjin minnu. B'hekk il-qarrej Ċiniż jieħu idea tal-kultura ta' dak il-pajjiż.
F'kull pajjiż Ewropew kien hemm sejħa għall-kitbiet li jaqbżux il-500 kelma u minn dawn ġew magħżula ħamsa f'kull pajjiż. Dawn ġew tradotti għal-lingwa Ċiniża u bħalissa qed jiġu mqassma b’xejn għal 28 ġimgħa fuq il-midja soċjali, kemm permezz ta' Facebook kif ukoll permezz tas-sit uffiċċjali tal-proġett.
Ix-xogħlijiet ta’ ħames Maltin intgħażlu għal din il-kompetizzjoni wkoll u se jitħabbru u jiġu ppubblikati matul il-ġimgħa d-dieħla. Il-kompetizzjoni kienet miftuħa għall-kittieba bejn il-15 u 28 sena, u setgħu jkunu miktuba bil-Malti jew bl-Ingliż.
L-idea ta’ dawn l-istejjer qosra kienet biex il-kulturi u tradizzjonijiet ta’ persuni differenti madwar l-Ewropa jkunu jistgħu jiġu trażmessi permezz tal-kitba. Il-ġenerazzjoni żagħżugħa saret tiddependi ħafna fuq it-teknoloġija u l-letteratura onlajn qed tiżdied fil-popolarità. Għaldaqstant, dan il-proġett għaqqadhom flimkien. Barra minn hekk hemm il-valur miżjud tat-traduzzjoni wkoll.
Bħala parti minn dan il-proġett se jkun hemm ukoll xogħlijiet ta' artisti viżivi Ċiniżi, u huwa maħsub li jiġi ppubblikat ktieb bix-xogħlijiet ta’ dawn iż-żgħażagħ.