L-Ewropa bla rieda dwar l-immigrazzjoni – Sant

L-ekx Prim Ministru u Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, Alfred Sant qal li l-Ewropa m’għandhiex rieda u viżjoni biex timplimenta pjan dwar l-immigrazzjoni.

Dwar l-immigrazzjoni, Sant qal li huma ħafna l-proposti sbieħ u tajbin li jibqgħu biss fuq il-karta. Dan qalu meta kien mitlub jikkummenta dwar id-deċiżjoni riċenti Ewropea li ma tilqax it-talba tal-Italja biex tissospendi l-kotribuzzjonijiet għall-badġit tas-sena d-dieħla jekk Brussell ma ssolvix il-kwistjoni relatata mal-immigranti maqbuda fuq il-vapur Diciotti fil-Port ta’ Catania.

Sant qal li l-gvern Taljan qed jaljena gvernijiet oħra tan-Nofsinhar tal-Ewropa li awtomatikament għandhom ikunu l-alleati tal-Italja. Qal li l-movimenti li l-Gvern Taljan jiftaħar li huma qrib tiegħu bħal dawk tal-Bavarja u tal-Ungerija se jkunu qed japplikaw l-istess loġika tal-Italja fl-interess nazzjonali ta’ pajjiżhom. U fl-interess nazzjonali tagħhom, dawn mhux se jaqblu mat-talbiet li qed tagħmel l-Italja.