Filmat: L-Ewropa b’messaġġ ċar li se tiġġieled lit-traffikanti tal-immigranti

Il-mexxejja tat-28 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea qablu li jiġġieldu lit-traffikanti tal-bnedmin li qed isiru sinjuri minn fuq il-ħajjiet tal-immigranti.
Fi tmiem il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew, intlaħaq qbil sabiex il-fondi allokati għall-ħidma ta’ salvtaġġ Triton tal-Frontex jiżdiedu bi tliet darbiet, jiġifieri jitilgħu għal €9 miljuni fix-xahar.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li ż-żieda fil-fondi tista’ ma tkunx biżżejjed meta mqabbel mal-figuri tal-immigranti li qed jaqsmu l-Mediterran.
Enfasizza li matul is-summit ma ħareġ xejn ġdid ħlief ġabra ta’ ideat li kienu tressqu qabel.
Sostna li l-eċċezzjoni hi li l-Ewropa qed tibgħat messaġġ ċar li tinsab lesta li tieħu azzjoni kontra t-traffikanti tal-bnedmin.
Qal li l-Ewropa se tidentifka u teqred id-dgħajjes li jkunu se jintużaw mit-traffikanti dejjem skont il-parametri tal-liġijiet internazzjonali. 
Il-Prim Ministru qal li l-Ewropa ndunat li għandha problema mhux biss bl-Ukraina imma wkoll bis-sitwazzjoni fil-Libja.
Għalhekk aktar tard din is-sena, se jsir summit speċjali bejn l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Afrikana u pajjiżi oħra li huma milquta mill-immigrazzjoni.
Żvela li dan is-summit se jsir f’Malta u ddeskrivi bħala okkażjoni oħra biex Malta tgħaqqad ir-reġjun tal-Mediterran.