“L-Ewro hi munita kredibbli” – Joseph Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat iddeskriva l-ewro bħala “munita kredibbli” u faħħar l-impenn politiku li wrew il-pajjiżi li jħaddnu l-ewro fl-2015 waqt il-kriżi finanzjarja tal-Greċja.
Waqt li kien qed jindirizza seminar fl-okkażjoni tal-għaxar snin mindu Malta addottat l-ewro, il-Prim Ministru qal li Malta taqbel li jitwaqqaf Fond Monetarju Ewropew bil-għan li jgħin pajjiżi tal-ewro li jkunu għaddejjin minn taqlib ekonomiku.
Spjega kif dan il-Fond Monetarju jkun jista’ jieħu azzjoni immedjata, kull darba li pajjiż ikollu xi inkwiet finanzjarju, kif kien ġara lill-Greċja tliet snin ilu.
Il-Prim Ministru semma kif għadhom għaddejjin diskussjonijiet dwar jekk dan il-Fond hux se jitmexxa minn entità bil-poteri meħtieġa, jew mill-Kummissjoni Ewropea.
"Insalvaw ir-reputazzjoni ta' Malta biex inżommu l-Ewro" – Adrian Delia
Fl-istess seminar tkellem ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li rabat il-munita ewro mar-reputazzjoni tajba, li fi kliemu trid issalva Malta sabiex tibqa’ wieħed mill-pajjiżi tal-Ewro.
Delia semma kif għalkemm il-vantaġġi tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea jidhru iktar minn dawk tal-munita Ewro, fakkar li l-ewro ma kinitx tasal li kieku l-Gvern Nazzjonalista ma daħħalx lil Malta fl-UE.
"Irridu nibqgħu viġilanti" – Chris Cardona
Intervjena wkoll il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona li semma kif minkejja dawn l-aspetti pożittivi kollha fl-ekonomija u fil-ħolqien tax-xogħol li waslu mal-ewro, xorta waħda l-pajjiżi jridu jibqgħu viġilanti minħabba l-iżviluppi dinjija fil-qasam ekonomiku.
"Evitajna l-kriżi mhux minħabba l-ewro" – Alfred Sant
Indirizza wkoll lil dawk preżenti l-ewroparlamentari Laburista Alfred Sant li qal li mhux minnu li Malta ma ntlaqtitx mill-kriżi finanzjarja għax kellha l-ewro bħala l-munita tagħha. Sant sostna li l-ewro laqtet ħażin lill-industrija Maltija, tant li rreġistrat tnaqqis ta’ 30%.