L-Ewkaristija hi togħma tal-Ġenna fl-Art, jgħid il-Papa

Meta nirċievu l-Ewkaristija fil-Quddiesa, aħna l-insara ningħataw l-ispirtu t’Alla u togħma tal-ħajja eterna, qal il-Papa Franġisku.

“Kull darba li nipparteċipaw fil-quddiesa, f’ċertu sens inkunu qed inqarrbu aktar il-Ġenna lejn id-dinja għax mill-ikel ewkaristiku – il-ġisem u d-demm ta’ Kristu – nieħdu togħma ta’ x’inhi l-ħajja eterna” qal il-Papa waqt l-Angelus nhar il-Ħadd.

Wara l-Angelus il-Papa stieden lil dawk preżenti biex flimkien miegħu jitolbu għall-vittmi tal-għargħar kbar li laqtu l-istat ta’ Keala fl-Indja u ħallew  mijiet ta’ vittmi li skont  il-media internazzjonali jlaħħqu għal aktar minn 350 persuna filwaqt li eluf oħra qed jistennew li jkunu salvati mill-ilmijiet.

“Inħossni qrib il-Knisja f’Kerala li qed tgħin kemm tiflaħ biex twassal l-għajnuna li l-poplu għandu bżonn. Ilkoll għandna nħossuna qrib dawn in-nies u ejja nitolbu flimkien  għal dawk li tilfu ħajjithom u għal dawk li jħossuhom ippruvati minn din il-kalamità kbira”, qal il-Papa.

Il-Papa tkellem dwar l-Evanġelju fejn Ġesù qal lill-folla “Min jiekol Ġismi u jixrob  Demmi għandu l-Ħajja ta’ Dejjem”.  L-Ewkaristija, qal il-Papa Franġisku, “hi l-post fejn l-insara jsibu l-ikel spiritwali tagħhom u jaqtalgħom l-għatx illum u għall-eternità.”

“Il-kuntentizza u l-eternità  tal-ħajja jiddependu mill-kapaċitàt agħna li l-imħabba evanġelika li nirċievu mill-Ewkaristija inħalluha tagħmel il-frott”.

Ir-reżistenza li nħallu lilna nfusna nkunu mitmugħa mill-ġisem u d-demm ta’ Kristu, narawha meta “nissieltu biex nimmudellaw ħajjitna fuq dik ta’ Kristu, li nimxu kif iridna hu u mhux kif tridna d-dinja.”

Għalhekk hu importanti: li mmorru ‘l quddies u nitqarbnu għax meta nitqarbnu nkunu qed nirċievu lil Kristu ħaj li jibdilna minn ġewwa u jippreparana għall-Ġenna”, qal   il-Papa Franġisku.