L-evidenza turi li Turab Musayev ikkontrolla Cifidex – Fondazzjoni Daphne

Il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia sabet evidenza li turi li Turab Musayev, sid SOCAR, kellu kontroll tal-kumpanija Cifidex.

Dan żvelawh emails misjubin, minkejja li Musayev ċaħad dan mal-midja u saħansitra heddidha permezz tal-avukati tiegħu fil-kumpanija Atkins Thomson f’Londra. F’ismu dawn qalu li Musayev ma kienx dak li jikkontrolla Cifidex jew dak li kien wara l-proġett tal-windfarms f’Mozura f’Montenegro.

Musayev irrappreżenta l-interess tal-Ażerbajġan fil-ftehim Malti tal-Electrogas, li kien qed jiġi investigat minn Daphne Caruana Galizia. Huwa sikwit kellu x’jaqsam ma’ Yorgen Fenech fin-negozju. Fenech huwa shareholder fil-powerstation tal-Electrogas, u huwa sid il-kumpanija 17 Black. Huwa akkużat b’kompliċità fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-isfond

Ġie żvelat f’investigazzjoni mwettqa minn Reuters u Times of Malta li Cifidex, ibbażata fis-Seychelles, irċeviet trasferiment ta’ €3 miljun mill-kumpanija sigrieta 17 Black. Cifidex imbagħad użat dawn il-flus biex tixtri ishma mingħand Fersa Renovables, konsorzju Spanjol li kien ingħata l-konċessjoni biex imexxi l-windfarm mill-Gvern ta’ Montenegro fl-2010. Ftit jiem wara, l-Enemalta xtrat l-istess ishma bit-tripplu tal-prezz għal €10.3 miljun.

Sa Ġunju 2016, Cifidex kienet bagħtet lura lil 17 Black it-€3 miljun oriġinali flimkien ma’ “profitt” addizzjonali ta’ mill-inqas €4.6 miljun. Dan ikkonfermawh tliet sorsi b’aċċess għall-kontijiet bankarji f’Dubaj tal-kumpanija 17 Black.

L-evidenza

L-istqarrija tal-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia tgħid li Musayev uża Cifidex sabiex jixtri 99% tal-ishma tal-windfarm f’Mozura fl-2015.

Ġie spjegat li l-Fondazzjoni fittxet id-domains kollha li qatt ġew reġistrati bil-kelma “cifidex” u sabet cifidex.com u cifidexrenewables.com, li ġew reġistrati bejn l-2014 u l-2018. Ir-reġistrazzjoni taż-żewġ domains skadiet aktar minn sentejn ilu.

Il-Fondazzjoni mbagħad irreġistrat liż-żewġ domains u waqqfet email awtomatiku “catch-all” għat-tnejn. B’dan il-mod, kull email mibgħut lid-domain kien jgħaddi għand il-Fondazzjoni. Il-Fondazzjoni mbagħad bdiet tirċievi emails awtomatiċi ta’ kull ġimgħa minn servizz awtomatiku ta’ backup, li jirrapporta l-istatus ta’ backup ta’ kont tal-Gmail ta’ stefano.panniello@cifidex.com marbut mal-kont ta’ OneDrive ta’ Turab Musayev.

B’hekk, minkejja li d-domain cifidex.com kien skada, is-servizz awtomatiku baqa’ għaddej għax kien installat fuq il-G Suite account cifidex.com. G Suite huwa sett ta’ servizzi provduti minn Google li jippermettu l-użu ta’ Gmail, Google Drive, eċċ. ma’ kwalunkwe domain. Il-kont jibqa’ attiv u jista’ jintuża wara li d-domain jiskadi.

Għalhekk, il-Fondazzjoni qalet li l-emails li rċeviet il-Fondazzjoni jipprovdu evidenza li Musayev, wara kollox, kellu kontroll ta’ Cifidex, u evidenza li Musayev u Fenech kienu parti minn organizzazzjoni li riedet tiffroda lill-pubbliku Malti.