Filmat: L-Europa II tibda ddur ma’ Malta

Aġġornat 08:13 PM

Read in English.

Wieħed mill-erba’ vapuri li qed jikri l-Gvern biex iżomm fuqhom persuni li qed ifittxu l-ażil resaq viċin il-kosta Maltija u beda jdur magħha.

Fis-6.10pm is-sit Marine Traffic kien qed juri li l-Europa II kien qrib Pembroke.

Marine Traffic – 18:10

Newsbook.com.mt għamel kuntatt mal-AFM biex jakkwista aktar informazzjoni dwar dak li qed jiġri.

Aktar kmieni:

Aktar kmieni l-Europa II resaq viċin il-kosta Maltija u baqa’ fiż-żona tad-Delimara.

Sal-ħin tal-pubblikazzjoni tal-artiklu, Newsbook.com.mt kien għadu ma rċieva l-ebda raġuni għalfejn kien hemm dan il-moviment. Newsbook bagħat mistoqsijiet lill-Forzi Armati ta’ Malta, lill-Pulizija, lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin.

L-Europa II tal-Captain Morgan spiċċat qrib id-Delimara llum.

Marine Traffic

Kmieni s-Sibt filgħodu, sors ta’ Newsbook.com.mt qal li l-Europa II bagħtet messaġġ li kellha bżonn l-għajnuna. Skont il-messaġġ, l-immigranti li ilhom fuq il-baħar għal aktar minn ħames ġimgħat saru aggressivi.

Hemm 57 persuna abbord l-Europa II. Dawn ġew salvati f’żewġ ħidmiet ta’ salvataġġ f’April u f’Mejju.

It-Times of Malta qalet li s-sorsi tagħha taw żewġ verżjonijiet differenti ta’ x’ġara. Sors qal li l-immigranti saru aggressivi. Sors ieħor qal li l-vapur resaq qrib Malta minħabba l-maltemp.

Hemm pressjoni internazzjonali fuq Malta biex dawk in-nies li qed iżżomm fuq il-vapuri tal-Captain Morgan jitħallew jinżlu l-art. Fi stqarrija konġunta l-Aġenzija tal-Ġnus Magħquda għar-Refuġjati (UNHCR) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni (IOM) sejħu lil Malta u lill-istati Ewropej biex idaħħlu lill-160 persuna abbord dawn il-vapuri.

Il-KSU jgħid li l-immigranti għandhom jitniżżlu Malta

Fi stqarrija l-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) qal li l-immigranti għandhom jitniżżlu Malta minnufih.

Bi qbil ma’ 24 għaqda studenteska oħra l-KSU qal li ż-żamma tal-immigranti fuq il-bastimenti hija “fundamentalment kontra l-valuri Maltin, l-ispirtu tal-

Kostituzzjoni u l-istandards u obbligi fit-trattati internazzjonali.” L-istudenti qalu li t-taffa tal-miżuri relatati mal-pandemija, bil-ftuħ imminenti tal-punti tad-dħul, ikomplu jxejnu kwalunkwe raġuni għaż-żamma tal-migranti fl-ibħra miftuħa.

L-għaqdiet li ffirmaw l-istqarrija tal-KSU huma: ASCS, Betapsi Malta, DESA, ELSA Malta, GħMU, GħSL, GUG, IASTE, ICTSA, JEF Malta, JCA, MAKE, MHSA, MIRSA, MKSA, MMSA, SACES, SDM, SĦS, S-Cubed, UESA, UM Futsal, UM Rowing, u USPA.