L-Europa II mhix addattata għall-missjoni tagħha – esperti

Miguela Xuereb

Read in English.

Esperti fis-settur marittimu qalu lil Newsbook.com.mt li d-dgħajsa Europa II mhix addattata għall-missjoni tagħha.

L-Europa II qed tintuża mill-Gvern biex iżżomm fuqha grupp ta’ 57 persuna li qed ifittxu l-ażil. Id-dgħajsa bħalissa qiegħda 13-il mil nawtiku ‘l barra mill-kosta Maltija. Sa ftit żmien ilu kienet liċenzjata biss biex toħroġ erba’ mili ‘l barra mill-kosta.

L-esperti qalu li jista’ jkun li Transport Malta bidlet il-liċenzja tagħha qabel ma l-vapur ħareġ għal din il-missjoni. Però, qalu li fl-opinjoni tagħhom id-dgħajsa xorta ma kinetx addatta għal dan it-tip ta’ xogħol, speċjalment jekk ikun il-maltemp.

Sorsi qalu lil Newsbook li hemm opri tal-baħar oħra f’Malta li huma aktar addattati. Għadu mhux magħruf kif intgħażlet l-Europa II u jekk hix addattata biex tospità għadd konsiderevoli ta’ nies abbord.

Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-Kap Eżekuttiv ta’ Fortina Investments Edward Zammit Tabona, lil Transport Malta, u lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Ħadd minnhom ma wieġeb sal-ħin tal-pubblikazzjoni tal-artiklu.

Aktar kmieni din il-ġimgħa tħabbar li saru l-arranġamenti biex l-immigranti jittelgħu fuq il-vapur tal-Captain Morgan li se jinżamm 13-il mil nawtiku ‘l barra mill-kosta Maltija.

Kelliem għall-Gvern kien qal li dawn se jingħataw l-ikel, ix-xorb u l-kura li hemm bżonn waqt li jinżammu fuq dan il-vapur. Qal ukoll li l-immigranti huma kollha rġiel u jinsabu fi stat ta’ saħħa tajba.

“Il-pozizzjoni ta’ Malta tibqa’ ċara. Il-portijiet tagħna huma magħluqin. U issa trid tkun l-Unjoni Ewropea li turi solidarjetà u terfa’ responsabbilità ta’ dawn l-immigranti,” insista l-kelliem. Qal li waqt li kien qed jikkordina l-ħidma ta’ salvataġġ, mill-ilbierah il-Gvern Malti beda kuntatti ufficjali mal-Kummissjoni Ewropea u l-istati membri kollha biex dawn l-immigranti jkunu rilokati b’mod permanenti.

“L-Unjoni Ewropea għandha kriżi enormi quddiemha bit-traffikar tal-bnedmin u pajjiżna, waħdu, m’għadux fil-qagħda li jagħmel iktar,” temm jgħid il-kelliem.

Intant Alarm Phone qalet li dgħajsa f’diffikultà b’90 persuna abbord tinsab fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija. Fuq Twitter l-NGO qalet li hija avżat lill-awtoritajiet Maltin biex isalvaw lil dawn l-immigranti. Dan kitbitu fl-10.35pm ilbieraħ.

Fit-3.08am, Alarm Phone kompliet tgħid li d-dgħajsa tinsab mingħajr fjuwil u qiegħda tinġibed mill-kurrent. In-nies abbord jinsabu ddisprati u jeħtieġ li jiġu salvati, qalet l-NGO. Hija appellat lill-awtoritajiet Maltin biex isalvawhom mill-aktar fis possibbli sabiex isalvawlhom ħajjithom.