L-Etjopja bl-ewwel mara fil-Presidenza tal-Qorti Suprema

Meaza Ashenafi, l-ewwel President mara tal-Qorti Suprema tal-Etjopja ħadet il-ġurament tal-ħatra llum, quddiem il-Parlament wara li l-ħatra tagħha ġiet approvata unanimament.

Hija nħatret ġimagħtejn wara li l-Prim Ministru Abiy Ahmed laħħaq 10 Ministri nisa. Dan wasal biex issa l-Etjopja hija t-tielet stat Afrikan wara r-Rwanda u s-Seychelles li għandha l-Kabinett tal-pajjiż maqsum ugwalment bejn nisa u rġiel.

Ashenafi hija kampanjatriċi għad-drittijiet. Dan l-aħħar serviet bħala konsulent fuq id-drittijiet tan-nisa fil-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Magħquda fl-Afrika.

Il-Prim Ministru Abiy Ahmed qal li jemmen li Ashenafi għandha l-kapaċitajiet mitluba għal dan ir-rwol bl-esperjenza vasta li għandha fl-isfera internazzjonali.