“L-etika mhux il-liġi tiggwida l-prattika professjonali”

Il-psikologi, il-psikjatri, il-counsellors u l-psikoterapisti Maltin jgħidu li l-prattika professjonali tagħhom hi ggwidata mill-etika u mhux mil-liġi.
Fil-Position Paper ippreżentata lill-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, il-professjonisti jispjegaw li l-abbozz tal-liġi dwar it-terapija ta' konverżjoni qed jipproponi li ma jibqax permess li l-professjonisti jużaw il-Klassifikazzjonijiet Internazzjonali tad-Disordnijiet. Iwissu għal iktar attenzjoni u l-leġiżlatur għandu jirrifletti fuq ir-riperkussjonijiet futuri meta jpoġġi preċendent legali bħal dan.
Il-professjonisti jqisu li l-mod kif inkiteb l-abbozz mhux se jkun ta’ benefiċċju għall-individwi li qed jipproponi li jiddefendi.
Il-bordijiet diġà jirregolaw il-ħidma tal-professjonisti
Il-professjonisti magħquda flimkien fil-Caring Professions Body, jispjegaw fid-dokument li l-ħidma tagħhom diġà hi rregolata minn bordijiet li jassiguraw rispett lejn standards etiċi u proċeduri f’każi ta’ lmenti.
Iwissu li jekk il-liġi tidħol fis-seħħ, ikun ifisser li se twarrab għal kollox korpi statutorji bħall-Bord tal-Professjoni tal-Psikoloġija, il-Kunsill tal-Professjoni tal-Counselling, il-Kunsill tal-Professjonisti li jikkumplimentaw il-Mediċina u l-Kunsill Mediku Malti. Dawn jassiguraw ħidma professjonali mill-psikologi, il-counsellors u l-psikjatri f’Malta.
Linji gwida li jħarsu r-rispett u d-dinjità tal-persuna
Jispjegaw li l-liġijiet li jħarsu dawn il-professjonijiet u l-bordijiet li jiċċertifikaw dawn il-professjonisti diġà jispeċifikaw x’inhi l-prattika aċċettabli u etika.

Dawn huma mmexxija minn linji gwida li jħarsu r-rispett, id-diversità u d-dinjità ta’ kull persuna. Itennu li l-professjonisti membri ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet huma marbuta li jsegwu b’mod ċar dawn il-gwidi etiċi li jorbtu fihom il-ħsieb tal-liġi proposta.

Tista' taqra l-Position Paper sħiħa tal-Caring Professionals Body hawnhekk:​